Noel Azzopardi hu s-suspettat ewlieni fil-qtil ta’ Eric Borg mir-Rabat, li seħħ ilbieraħ fir-Rabat stess.
Sorsi ta’ ONE News indikaw li s-suspettat għandu 40 sena u kien hu stess li ta ruħu b’idejh lill-Pulizija wara li allegatament spara fuq Borg ta’ 27 sena, aktarx mill-viċin u b’senter tal-kaċċa bil-konsegwenza li qatlu fuq il-post.
Fil-fatt, is-sorsi ta’ dan l-istazzjon qalu li l-allegat qattiel mar l-għassa u ta ruħu b’idejh lill-Pulizija hekk kif qalilhom li kien għadu kemm spara fuq xi ħadd.
Il-każ seħħ għall-ħabta tat-tlieta u nofs ta’ waranofisinhar bl-allegat qattiel ittieħed fil-kustodja tal-Pulizija ftit tas-sigħat wara skont kif stqarr il-Kelliem tal-Pulizija mal-midja minn fuq il-post tal-omiċidju.
Dwar il-każ infetħet inkjesta mill-Maġistrat tal-Għassa, Charmaine Galea, li ħatret diversi esperti biex jassistuha.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin u hu mifhum li Azzopardi mistenni jitressaq il-Qorti fis-sigħat li ġejjin fejn mistenni jiġi akkużat bi qtil volontarju.
S’issa għadu mhux magħruf jekk hemmx xi relazzjoni bejn l-allegat qattiel u l-vittma u x’wassal għall-argument li temm il-ħajja ta’ Borg.