Il-Prim Ministru, Joseph Muscat, kien kawt iżda deċiż meta mitlub jikkummenta dwar l-investigazzjoni dwar każ fejn ħaddiema ta’ JOBS+ qrib il-Partit Nazzjonalista ddeċidew li jmorru jagħmlu spezzjoni fuq sid ta’ ħanut li seta’ kkummenta b’mod li ma jgħoġobx lill-Kap tal-Oppożizzjoni. L-investigazzjoni kienet żvelata dalgħodu mill-orizzont u dwarha staqsew il-ġurnalisti.
Intant, ikkummenta l-Partit Laburista li qal li Simon Busuttil qed jimbotta dak li jidher bħala każ ta’ vendikazzjoni politika minn kunsillier tiegħu stess li kellu fil-mira persuna li qalet l-affarijiet kif inhuma, iżda li dawn l-affarijiet ma daqqewx għall-widnejn il-Kap tal-Oppożizzjoni.
“Jidher ċar lin-nies qed iħossu li l-ekonomija sejra tajjeb u dan qed jintqal lil Busuttil direttament f’wiċċu. Madankollu jidher ċar li nies qrib ta’ Busuttil qed jintużaw biex jintimidaw lil min jitkellem b’mod miftuħ kif iħossu,” qal il-Partit Laburista.
Il-Partit Laburista żied li dawn huma tattiċi li jreġġgħu l-arloġġ lura fejn min ma jaqbilx mal-establishment tal-Partit Nazzjonalista jispiċċa jgħaddi minn vendikazzjoni psikoloġika fosthom billi jkunu mibgħuta spetturi li huma wkoll uffiċjali tal-istess Partit politiku.
“Dan huwa każ li jikxef Partit Nazzjonalista parti mill-establishment li jekk tkun negozjant sejjer tajjeb juża l-istess establishment biex ikissrek, mhux għax tħaddan politika oħra. Iżda sempliċiment għax ma taqbilx miegħu. Politiċi elite li jaħsbu li huma ‘l fuq minn kulħadd,” qal il-Partit Laburista.