Il-festival tax-Xjenza u l-Arti ta’ Malta, Xjenza fil-Belt, jirritorna fil-Belt Valletta l-Ġimgħa 28 ta’ Settembru 2018 mis-6pm sa nofsillejl. Il-messaġġ ta’ din is-sena hu wieħed sempliċi – kulħadd jibda minn żero. Aħna twelidna bl-ebda għarfien tad-dinja ta’ madwarna iżda lkoll nistgħu u fil-fatt nitgħallmu, speċjalment meta l-lezzjoni tingħata b’mod kreattiv u divertenti.
Biex tkun immarkata s-Sena Ewropea tal-Wirt Kulturali u ċ-ċelebrazzjonijiet tal-Belt Kapitali Ewropea tal-Kultura tal-Belt, it-tema għall-2018 hi x-Xjenza hi Kultura. L-għan hu li jkun enfasizzat kif ix-xjenza tifforma l-aspetti kollha tal-kultura, mill-komunikazzjoni sa forom differenti ta’ arti, saħħa, ikel u t-teknoloġiji.
Bħal dejjem, il-programm tal-festival se jinkludi varjetà wiesgħa ta’ attivitajiet ħielsa li jvarjaw minn installazzjonijiet ta’ arti għal wirjiet, teatru tax-xjenza, puppetry bid-dellijiet, minn festivals tal-films tax-xjenza għal mużika, arti tat-triq sa esperimenti li jsiru dak il-ħin stess, u li huma kollha relatati max-xjenza u r-riċerka.
Xjenza fil-Belt, qed taħdem mal-Fondazzjoni Valletta 2018 biex tinkludi installazzjonijiet interattivi ġodda. Dan il-proġett speċifiku hu kollaborazzjoni bejn xjenzati u artisti Maltin u Vjenniżi, u se jara kemm forom ta’ arti fiżiċi kif ukoll virtwali jaħdmu flimkien biex jiddevertu u jedukaw. Installazzjoni partikolari minnhom hi maws tal-kompjuter li jeħtieġ li jkun imbuttat ‘l hemm u ‘l hawn mill-viżitaturi. Dan il-maws hu kkumplimentat minn xogħlijiet virtwali mkabbra b’teknoloġija għolja.
Il-Kummissjoni Ewropea kklassifikat ix-Xjenza fil-Belt fis-7 fost minn fost il-128 proposta sottomessi fi Frar 2018 dwar il-Lejl għar-Riċerkaturi Ewropej. Tassew li Xjenza fil-Belt saret wieħed mill-avvenimenti kulturali ewlenin ta’ Malta, b’attendenzi tajbin ta’ Maltin u barranin. Il-festival qed jikber kull sena, u din is-sena l-attivitajiet se jinfirxu mill-pjazza tal-Funtana tat-Tritoni, jgħaddu minn Bieb il-Belt, jibqgħu sejrin tul Triq ir-Repubblika kollha sa Pjazza San Ġorġ u postijiet oħra ċentrali fil-Belt Valletta.
Xjenza fil-Belt issir kull sena bħala parti minn inizjattiva pan-Ewropea bl-isem ta’ Lejl tar-Riċerkaturi Ewropej appoġġjat minn Horizon 2020 tal-UE u GSD Marketing Ltd. Xjenza fil-Belt hi kkoordinata mill-Università ta’ Malta, il-Kamra Maltija tax-Xjenzati, bi sħubija mal-Fond għar-Riċerka tal-Università (RIDT). L-edizzjoni tal-2018 qed issir b’kollaborazzjoni mal-Fondazzjoni Valletta 2018, u bosta msieħba oħra.