Kien ONE News li minn ġurnata qabel żvela li Bernard Grech kien qed ikun sfurzat li jbiddel ix-shadow cabinet.
Wara jiem ta’ pressjoni, li matulhom mar jgħid lil xi deputati, fosthom Albert Buttigieg, li mhux effettivi, Bernard Grech kien imġiegħel ibiddel ix-shadow cabinet.
Anke jekk Bernard Grech qed jiċħad, ONE NEWS jista’ jikkonferma diskussjoni fl-aħħar jiem li fihom taw sehem strateġisti tal-Blue Heroes, inkluż Claudio Grech.
Il-laqgħat mad-deputati bdew tul il-jum tal-Ġimgħa.
Għalhekk mhix qed tkun sorpriża li ż-żiemel ta’ Grech fl-ewwel distrett, Darren Carabott, hu mistenni jingħata l-intern biex l-establishment rnexxielu jagħti daqqa ta’ sieq lil Joe Giglio, li magħhom ma jarax għajn m’għajn.
Daqqa oħra tal-establishment hi dik li qed tingħata lil Stephen Spiteri li qed jingħad li mhux se jżomm is-saħħa u minflok se jingħata l-politika soċjali. Fil-fatt, One News hu infurmat li biex id-daqqa lil Spiteri tkun kbira użaw lil Adrian Delia li mistenni jingħata s-saħħa.
Għalkemm anke hawn parti kbira mid-dekasteru, iġifieri l-familja u s-servizzi soċjali se tingħata lil Albert Buttigieg.
Intant, Rebekah Borg intqal lilha li jekk ma jinqala xejn se tingħata d-dekasteru tal-Ambjent u David Agius inżamm Deputat Speaker u Kelliem għall-Fondi Ewropej.
Ta’ min jgħid li quddiem id-Dar Ċentrali tispikka wkoll in-nuqqas ta’ midja indipendenti li għal darb’oħra għażlet li ma tattendix sabiex isegwi l-iżviluppi minn fuq il-post. Quddiem l-Istamperija apparti crew ta’ dan l-istazzjon hemm biss cameraperson tal-PBS u crew ta’ Net News. Din mhux l-ewwel darba l-midja indipendenti injorat żviluppi importanti fil-Partit Nazzjonalista. Istanza oħra kienet il-konferenza tal-aħbarijiet ta’ Bernard Grech wara li temm id-diskors tiegħu fir-replika għall-Budget 2023.