Anke jekk meta llejla jittieħed il-vot dwar l-ugwaljanza fiż-żwieġ il-Partit Nazzjonalista se jivvota favur, il-qasma fil-grupp Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista baqgħet sal-aħħar laqgħa tal-istess grupp.
L-għada li żvelajna kelma b’kelma ittra twila li Tonio Fenech kiteb lil Simon Busuttil u l-grupp Parlamentari nistgħu ngħidu niżvelaw pożizzjonijiet differenti fil-grupp Parlamentari Nazzjonalista.
Carm Mifsud Bonnici qal ċar u tond li ma jaqbilx mal-liġi iżda huwa kostrett jivvota favur.
B’dikjarazzjonijiet simili saru minn Maria Deguara, deputat ġdid tal-Partit Nazzjonalista, Jason Azzopardi, li fil-Parlament attakka l-liġi kemm felaħ u Herman Schiavone li kien ċar meta qal li għalih iż-żwieġ hu biss bejn mara u raġel tgħid x’tgħid il-liġi.
Beppe Fenech Adami għamel dikjarazzjoni li ma kinetx mistennija wara li fil-Parlament beda d-diskors tiegħu billi qal li se jivvota favur. Fil-grupp Parlamentari qal li din tal-ugwaljanza fiż-żwieġ hu kontra tagħha fil-prinċipju.
Dawn huma dikjarazzjonijiet li ma ntlaqgħux tajjeb minn oħrajn, fosthom id-deputat Karl Gouder li qal li meta daħal fil-Partit Nazzjonalista u kkampanja biex Malta tidħol fl-Unjoni Ewropea sab partit miftuħ u b’dan il-lingwaġġ iħoss arja ta’ partit li qed jingħalaq iktar.