Is-Sindku tal-Partit Nazzjonalista ta’ Tas-Sliema, John Pillow, talab residenti biex jieħdu paċenzja bl-iskart, għax kien se jżommu hemm apposta, għax ried li jidher ħafna ħmieġ f’konferenza tal-aħbarijiet li kien se jagħmel ma’ sħabu sindki tal-Partit Nazzjonalista.
ONE News huwa nfurmat li din ġrat diversi drabi u dan intqal lil diversi residenti u saħansitra dan hu pprovat b’recordings li jeżistu.
F’wieħed mir-recordings li wasal għand ONE NEWS, Pillow jinstema’ jgħid li hu stess ħa ritratt tal-ħmieġ li nħareġ ħażin u m’għamel xejn dwaru għax kien qed jitlob li jkun għadu hemm għax kien se jsejjaħ il-midja. Fil-fatt, la aġixxa bħala Sindku u lanqas informa lil xi awtoritajiet oħra. Għax f’moħħu kellu biss, li fil-konferenza tal-Partit juri ħafna ħmieġ kif qalulu mid-Dar Ċentrali.
“Today there will be a press call organized between Sliema, St Julians, Swieqi Local Councils. We are going round with the press to see this kind of garbage,” qal is-Sindku Pillow li reġa’ tenna li kien hu li ried li l-ħmieġ jibqa’ hemm għax ridha tidher ħażin kemm tiflaħ.”
Din il-konferenza tal-aħbarijiet tassew kienet saret mill-Partit Nazzjonalista u għaliha kienu attendew sindki oħra tant li mhux eskluż li ġara l-istess f’lokalitajiet oħra. Pillow, li qal li kien qed jitkellem bl-Ingliż għax ma kienx jaf huwiex qed jitkellem ma’ xi ħadd Malti jew Ingliż, qal li kien hu li ried li ż-żibel ikun hemm għax ried li s-sitwazzjoni tidher ħażina ħafna.
“Yes I wanted it to be there, because I wanted it to look so bad,” qal Pillow fit-telefonata.
Pillow qal li l-ħmieġ li tħalla hemm kien imbagħad se jnaddfu biss wara li jkunu telqu l-ġurnalisti u lil min kien qed ikellem qallu biex iżomm kollox għalih.
“The press call is done and the tour where there are garbage like this will be cleared. Keep this for yourself please,” qal is-Sindku Slimiż.