Għall-kariga ta’ Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista hemm diżgwid ġdid dwar min għandu jkun, filwaqt li l-Kap Bernard Grech m’għandu l-ebda kelma dwar min għandu jkun.
ONE News jista’ jiżvela, mis-sorsi tiegħu fl-Istamperija, li hemm tliet ismijiet, tnejn eks Deputati Nazzjonalisti u ieħor l-Avukat ta’ Bernard Grech, iżda l-ġlied qed iqum dwar l-isem ta’ Marthese Portelli, illum Kap Eżekuttiv tal-Kamra tal-Kummerċ.
Portelli hemm min jaraha papabbli u oħrajn qed jisħqu li, fil-mument tal-prova, din dabbret rasha u rriżenjat mill-Grupp Parlamentari Nazzjonalista.
Hi rriżenjat fi żmien li beda jinħema komplott ġdid biex aktar tard dik is-sena, Adrian Delia tqaċċat minn Kap Nazzjonalista u floku tpoġġa Bernard Grech.
Dakinhar kienet ħabbret ir-riżenja billi kitbet ittra lill-Ispeaker tal-Parlament u mhux magħruf kinitx ikkomunikat qabel mal-Kap tal-partit. Dan il-fatt ġab ħafna argumenti u issa, li reġa’ tfaċċa isimha, is-sorsi tagħna qalulna li reġa’ beda d-diżgwid.
L-isem ta’ Portelli ilu jinħema, anke għax għandha rabtiet ma’ nies qrib Bernard Grech u kienet qed tiġi imbottata mill-eks Deputat Nazzjonalista Claudio Grech, dak magħruf bħala l-filjozz tal-eks Ministru Nazzjonalista Austin Gatt.
Ma’ Claudio Grech hemm kordinazzjoni sħiħa ma’ Karol Aquilina u Beppe Fenech Adami, li qed iżommu r-rabta wkoll mal-għaqda Repubblika u Robert Aquilina.
Il-gazzetta KullĦadd, flimkien ma’ ONE News, fil-bidu ta’ din is-sena kienu żvelaw kif fil-Partit Nazzjonalista ilu jinħema pjan biex wara l-elezzjonijiet ta’ Ġunju jiġi implimentat il-pjan li jittajjar is-Segretarju Ġenerali Nazzjonalista Michael Piccinino.
Piccinino tkellem mat-Times u ta l-istorja li hu se jitlaq, għax qal li se jikkontesta l-elezzjoni ġenerali li jmiss.
Li Piccinino kellu jkun kandidat Nazzjonalista hu sigriet magħruf u kulħadd jaf li, fil-passat, kellek anke lil Chris Said bħala Segretarju Ġenerali u Deputat fil-Parlament.
“L-iskuża ta’ Piccinino ma niżlitx ma kulħadd”, qalilna sors minn ta’ ġewwa, li żvelalna wkoll kif, fil-kurituri tad-Dar Ċentrali, issa qed jissemma anke l-eks Deputat Nazzjonalista Karl Gouder.
Gouder mexxa l-kampanja ta’ Bernard Grech fl-aħħar elezzjoni u qed imexxi l-midja tal-partit. Hu kien spiċċa membru Parlamentari permezz ta’ co-option fi żmien GonziPN.
Sadanittant hemm ukoll fazzjoni fil-Partit Nazzjonalista li qed tħeġġeġ lill-Avukat Edward Debono jitfa’ ismu.
Din il-fazzjoni hi l-istess waħda li ma tridx tagħti spazju lil Franco Debono jirritorna fil-Partit Nazzjonalista u lesta jkollha xi ħadd iebes fil-konfront ta’ min, fi kliem anke Bernard Grech, għandu bżonn jirriabilita ruħu qabel jerġa’ jidħol fil-partit.
Il-batibekki bdew dwar min għandu jokkupa l-kariga ta’ Segretarju Ġenerali, b’uħud jgħidu li Gouder dejjem kien mal-partit, waqt li Portelli ma ssibhiex b’nemes meta kellna bżonn u Debono għandu bżonn ikun jaf l-istrutturi tal-partit qabel jipponta lejn kariga.
Fuq dan kollu ftit li xejn għandu l-kelma l-Kap.
Hekk spjegawlna s-sorsi tagħna u dwar l-għażla tas-Segretarju Ġenerali, mistennija jmorru għand Bernard Grech b’xi ħaġa lesta u hu jkollu joqgħod għaliha, bħal diversi okkażjonijiet oħrajn.