Kmieni l-Erbgħa filgħodu numru ta’ immigranti nstab li kienu qegħdin f’Malta b’mod illegali f’rejd li sar il-Marsa mill-Pulizija tal-Immigrazzjoni, li kienu assistiti minn uffiċjali tas-Servizz ta’ Detenzjoni.
ONE News, li kien preżenti fuq il-post waqt li kienu qed isir r-rejd fl-inħawi biswit il-kors taż-żwiemel fil-Marsa, seta’ jsegwi l-andament ta’ kif imxiet l-operazzjoni mill-uffiċjali.
Ir-rejd beda għall-ħabta tas-sitta ta’ filgħodu u, minn informazzjoni li rnexxielu jikseb ONE News, minn fuq il-post inġabru madwar 19-il immigrant jgħixu f’Malta b’mod illegali.
Fil-fatt, kif anke juru l-filmati miġbuda mill-crew ta’ din il-kamra tal-aħbarijiet, uħud mill-immigranti kienu diġà lesti u mqajmin biex jibdew il-ġurnata tax-xogħol tagħhom.
Kien hawn li twaqqfu u saritilhom kollha spezzjoni tad-dokumenti. Irriżulta li filwaqt li wħud kellhom id-dokumentazzjoni neċessarja, kien hemm ukoll numru ta’ immigranti li pprovdew dokumentazzjoni irregolari jew falza.
F’kull istanza li din id-dokumentazzjoni nstabet, din ġiet ikkonfiskata mill-uffiċjali preżenti fuq il-post.
Bħalma ġara f’każijiet simili fil-passat, issa jibda l-proċess sabiex dawn l-immigranti jiġu ripatrijati.