Testijiet ballistiċi li qed isiru fuq l-armi li nstabu f’qiegħ il-baħar f’Miġra l-Ferħa mistennija jiddeterminaw jekk dawn l-armi ntużawx f’xi delitti li setgħu seħħew f’Malta.
Is-sorsi ta’ ONE News qalu li l-investigaturi qed jeżaminaw bir-reqqa dawn l-armi u mhux eskluż li mill-ewwel eżamijiet forensiċi ħareġ li xi armi misjuba ntużaw fil-qtil ta’ Joseph Cutajar magħruf bħala l-‘Lion’ u Jonathan Pace tat-Tyson Butcher.
Jekk dan jiġi kkonfermat ikun żvilupp importanti biex jiġu solvuti żewġ delitti oħra.
Il-‘Lion’ kien inqatel fit-12 ta’ Diċembru tal-2012, fl-istess jum li fih kmieni filgħodu nstab mejjet fl-inħawi ta’ Qalet Marku, f’Baħar iċ-Ċagħaq Josef Grech magħruf bħala l-Yoyo.
Dawn iż-żewġ omiċidji kien mifhum li huma marbuta u l-‘Lion’ kien instab mejjet f’għadira demm, b’siequ f’karozza li kellha l-wipers għadhom jaħdmu.
Min-naħa l-oħra, Jonathan Pace kien inqatel b’arma awtomatika waqt li kien f’gallarija ta’ dar fil-Fgura fil-21 t’Awwissu tal-2014.
Tat-Tyson Butcher kien intlaqat minn ħames tiri wara li ġew sparati bejn ħmistax u għoxrin tir.
Jonathan Pace kien mixli bl-attentat ta’ qtil ta’ Vince Muscat il-‘Koħħu’, li kien intlaqat b’tiri f’għonqu u f’idu fit-8 t’April tal-2014.
Dakinhar il-‘Koħħu’ kien saq bid-demm nieżel lejn l-għassa tal-pulizija tal-Imsida biex jirrapporta l-każ.
Nifhmu li Vince Muscat, li ngħatatlu l-proklama fuq il-qtil tal-Avukat Carmel Chircop kien strumentali għas-sejba tal-armi taħt il-baħar.
Hawnhekk il-pulizija qed timxi fuq it-teżi li l-armi nħbew mill-aħwa tal-‘Maksar’ Robert u Adrian Agius, b’dan tal-aħħar, akkużat li huwa l-mandant tal-qtil tal-Avukat Chircop.
Fil-baħar ta’ Miġra l-Ferħa nstab ukoll materjal suspettat splussiv, fejn mhux eskluż ukoll li nstab apparat ta’ bomba simili ħafna għal dak li ntużat fl-omiċidju ta’ Daphne Caruana Galizia.
Kif żvela wkoll ONE News, l-armi qed jinżammu f’ilma baħar, bħal ma kienu f’basktijiet apposta li jilqgħu għall-ilma għaliex skont esperti forensiċi, il-mument li dawn jinħarġu mill-ilma, dawn jibdew jissaddu u l-affari ssir iktar iebsa għall-investigaturi biex jeżaminawhom.
ONE News jista’ jiżvela wkoll li mhux eskluż li l-pulizija Maltija se taħdem mal-Europol u l-Interpol fuq dawn l-investigazzjonijiet bil-għan li jiġu solvuti każijiet kriminali kbar li jmorru lura s-snin.
Ara wkoll:
https://www.one.com.mt/2021/06/22/l-armi-mohbija-fil-bahar-mahsuba-tal-maksar-qed-jinzammu-filma-bahar-waqt-ezamijiet-forensici/