Il-Partit Nazzjonalista irid jivvendika ruħu mill-President tar-Reġjun Tramuntana Clifford Galea bi tpattija għall-kwistjoni li għadha qed tiżviluppa fir-rigward tal-Kunsill ta’ Ħal Għargħur mmexxi mis-Sindku Nazzjonalista Helen Gauci.
Dwar wara li l-Viċi Sindku Francesca Attard, li issa saret Kunsilliera indipendenti, irriżenjat mill-Partit Nazzjonalista.
Uffiċjali għolja fi ħdan il-Partit iridu li bi tpattija jressqu mozzjoni ta’ sfiduċja fil-konfront tal-President tar-Reġjun Tramuntana, Clifford Galea.
Dan l-istazzjon jinsab infurmat li l-moħħ wara dan kollu huwa ħadd għajr is-Segretarju Ġenerali Nazzjonalista, Charles Bonello li fil-jiem li għaddew indirizza konferenza tal-aħbarijiet fir-rigward ta’ dak li qed jiġri f’Ħal Għargħur. F’din il-konferenza Bonello saħansitra għażel li jagħmel theddida.
Qal, “Huwa fatt ukoll li issa l-Partit Laburista Laburista neża’ l-maskra u jrid li jilgħab il-logħba tan-numri. Allura jekk irid li jilgħab il-logħba tan-numri, aħna nilgħabu l-logħba tan-numri. Qed ngħid hekk għaliex aħna għandna numri f’Reġjuni.”
Ir-reġjun li kien qed jirreferi għalih hawn Bonello, huwa propju dak ta’ Tramuntana li qiegħed ikun mistenni li li mingħajr ebda bażi se jkun qed iressaq mozzjoni ta’ sfiduċja fil-President tal-istess reġjun mingħajr ebda bażi għajr dik ta’ tpattija.
L-istess sorsi qalulna li għalhekk t-Tnejn filgħaxija, is-Sindki Nazzjonalisti ta’ dan ir-Reġjun mistennija li jitlaqqgħu biex tinħema mozzjoni li twassal għal vot ta’ sfiduċja f’Galea.
Galea ġie elett bħala President tar-Reġjun fl-2021 meta kiseb wieħed u erbgħin vot minn fost il-Kunsilliera tal-istess Reġjun kontra t-tletin vot tal-eks President tar-Reġjun, Anton Mifsud. Hu fatt magħruf ukoll li f’diversi okkażjonijiet kunsilliera Nazzjonalisti tennew il-fiduċja tagħhom f’Galea anke b’mod pubbliku.
Għalhekk jirriżulta li l-uffiċjali għolja fi ħdan il-Partit Nazzjonalista se jkunu qegħdin jimponu lis-Sindki tagħhom stess biex jivvutaw favur mozzjoni ta’ sfiduċja, anke jekk mingħajr ebda bażi bi tpattija għal dak li ġralu l-Partit Nazzjonalista f’Kunsill partikolari.
Interessanti l-fatt li s-Sindki Nazzjonalisti se jitlaqqgħu ftit jiem qabel hu mistenni li jittieħed il-vot fil-mozzjoni ta’ sfiduċja fis-Sindku ta’ Ħal Għargħur, Helen Gauci. Din il-mozzjoni hija frott ta’ diversi talbiet biex tingħata informazzjoni dwar nefqiet suspettużi u potenzjalment irregolari mill-istess Kunsill Lokali.
Dan apparti li fid-dawl tar-riżenja tal-eks Viċi Sindku Nazzjonalista Francesca Attard il-Partit Nazzjonalista tilef il-maġġoranza ta’ kunsilliera hekk kif minn ħames kunsilliera eletti, tnejn huma rappreżentanti tal-Partit Nazzjonalista, bi tnejn oħra jirrapreżentaw lill-Partit Laburista u Attard li issa hija kunsilliera indipendenti.
Dawk fi ħdan id-Dar Ċentrali li tkellmu ma’ dan l-istazzjon ddeskrivew din il-mossa bħala waħda li tkompli turi kemm il-Partit Nazzjonalista qed jippratika politika ta’ vendikazzjoni.