Wara li ONE News żvela mhux biss li Jason Azzopardi ma kienx ħallas it-taxxa għal tliet snin konsekuttivi fl-aħħar ħames snin u sar magħruf ukoll li fl-unika formola tat-taxxa li mela f’dawn l-aħħar erba’ snin, qanqal dubji kbar, fl-aħħar jiem Jason Azzopardi mar ibiddel dak li kien ddikjara ma’ tat-taxxa.
ONE News jista’ jiżvela li d-deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi nħakem minn paniku sħiħ wara li kxifna għawwaru u spiċċa ammetta d-dnub fiskali tiegħu.
Dan hekk kif filwaqt li qabel qal li ma qala’ xejn mill-professjoni legali, anki jekk hu magħruf kemm hu Avukat imqabbad, nhar it-Tnejn li għadda daħħal formola ġdida tat-taxxa għas-sena li fuqha qanqal dubji kbar.
ONE News kiseb dan it-tagħrif wara li l-ġimgħa l-oħra kiteb lill-Ispeaker fejn skont il-liġi staqsa għat-tax returns ta’ Jason Azzopardi.
L-Ispeaker, kif inhu obbligat li jagħmel, informa lid-deputat inkwistjoni li l-midja staqsiet għat-tax returns tiegħu imbagħad bagħtilna li ngħata mid-Dipartiment tat-Taxxa.
Jirriżulta li fl-aħħar sigħat ONE News irċieva korrispondenza ġdida mill-uffiċċju tal-Ispeaker li fiha waslet informazzjoni ġdida dwar it-tax returns ta’ Jason Azzopardi għall-2019.
Filwaqt li qabel kien qal li ma qala’ xejn, l-għada li żvelajna li f’dikjarazzjoni minnhom, qanqal dubji, Jason Azzopardi mar biex ibiddel kollox.
Fil-fatt, issa għall-2019, Jason Azzopardi ma baqax jgħid li daħal ftit mijiet ta’ ewro mill-Università, l-Onorarja Parlamentari u xi dħul żgħir minn dividenti biss.
Issa qal li mill-professjoni legali, dik il-kaxxa li qabel ħalla vojta, mela li qala’ ftit aktar minn tlieta u għoxrin elf ewro.
Imkejjen fid-Dar Ċentrali qalulna li s-saga tat-taxxa ta’ Jason Azzopardi waslet biex l-istrateġisti ta’ Bernard Grech għamlu pressjoni fuq id-deputat Nazzjonalista, li jippriedka tant fuq il-korrettezza, ħalli jmur jikkoreġi l-affarijiet wara li nqabad.
L-istess sorsi fl-istamperija qalulna li filwaqt liJason Azzopardi kellu jaċċetta li jagħmel dan, biex ma jidhirx ikrah mal-esponenti tal-fazzjoni ta’ Simon Busuttil, fosthom tar-Repubblika u l-Occupy Justice, bagħat ifakkar lil dawn l-istrateġisti min poġġa lil Bernard Grech Kap tal-Partit Nazzjonalista.
Dawn is-sorsi qalu li Bernard Grech għandu idejh marbuta u tilef l-awtorità quddiem dan l-aħħar skandlu ta’ Azzopardi hekk kif bħal Azzopardi, hu ma kienx ħallas it-taxxa.
Fil-fatt Bernard Grech għamel żmien ma jħallasx eluf ta’ ewro f’taxxa, u għalhekk ma’ ONE News ħareġ jiddefendi lil Jason Azzopardi u tenna li l-każ huwa magħluq.