Id-deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi huwa membru ieħor tal-grupp parlamentari Nazzjonalista li għandu l-vizzju li ma jiddikjarax id-dħul għal fini ta’ ħlas ta’ taxxa.
Dan bħal Kap tal-istess Partit Nazzjonalista, Bernard Grech u l-Kap ta’ qablu Adrian Delia.
Bis-saħħa li tagħtih il-liġi, editur reġistrat jista’ jitlob it-tax returns tad-deputati u dan it-tagħrif li qed niżvelaw illum jirriżulta minn talba li għamel ONE NEWS lill-Ispeaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti.
Tlabna lill-Ispeaker jagħtina t-tax returns ta’ Jason Azzopardi. Iżda, mir-risposta tal-Ispeaker jirriżulta b’mod ċar li Jason Azzopardi mhux dejjem bagħat dawn ir-returns lill-Kummissarju tat-Taxxi Interni. Biex hekk, Jason Azzopardi ma kienx qed jonora l-obbligi legali tiegħu, minkejja li jitkellem tant fuq governanza tajba.
Ta’ min jinnota li t-talba ta’ ONE NEWS lill-Ispeaker saret it-Tlieta filgħodu u skont il-liġi l-Ispeaker kien obbligat jinforma lid-deputat li saret it-talba dwaru. Dakinhar tat-talba Jason Azzopardi rreaġixxa billi għamel aġġornament parlamentari fejn allega li sar frame-up fuq l-eks Kummissarju tat-Taxxi Interni u fih ipprova jimplika lis-Segretarju Permanenti Ewlieni, li mhux biss ċaħad iżda fakkar kif din kienet it-tielet gidba fi ftit żmien li għamel fuqu Jason Azzopardi.
Tul il-jum tal-Erbgħa Jason Azzopardi żamm laqgħat ma’ strateġisti ta’ Bernard Grech li fihom għamilha ċara li jippretendi li l-Partit Nazzjonalista jaqbad in-narattiva tiegħu minnufih kull darba li jitkellem fil-parlament. Qallu wkoll li jkun tajjeb ifakkar lil Bernard Grech minn poġġih hemm. Fuq kollox jidher li Jason Azzopardi jinsab mimli arja għaliex jaf sew li l-Kap tal-Oppożizzjoni ftit li xejn jista’ jagħmel dwarha ladarba hu bħalu.