Dak li kien il-minority leader tal-Partit Nazzjonalista fil-Kunsill Lokali tal-Imqabba, irriżenja minħabba indħil ta’ Louis Galea.
ONE News jinsab f’pożizzjoni li jiżvela li Jonathan Dingli ma felaħx iżjed għall-indħil tas-Segretarju Ġenerali Nazzjonalista tas-sebgħinijiet u t-tmeninijiet.
Sorsi qrib id-Dar Ċentrali qalulna li fil-laqgħa li s-Sibt, Jonathan Dingli kellu mas-Segretarju Ġenerali attwali, Michael Piccinino, Dingli qallu li l-indħil ta’ Louis Galea dejqu mhux ftit, tant li wasslu biex jirriżenja mill-partit u ma jibqax jirrappreżenta lill-partit ta’ Bernard Grech fil-Kunsill Lokali.
Fil-fatt mill-jum tat-Tnejn, Dingli sar Kunsillier indipendenti u ma għadux membru fil-Kumitat Sezzjonali tal-Partit Nazzjonalista fl-Imqabba.
Louis Galea huwa wieħed mill-figuri li reġa’ ħa s-saħħa minn mindu sar Kap Bernard Grech.
Nies bħalu u oħrajn antiki qed ifasslu l-istrateġija li imbagħad qed ikollu jaddotta l-Kap Bernard Grech.
Kif kien żvela aktar qabel ONE News, in-numru wieħed tal-establishment, Richard Cachia Caruana ta’ żmien Eddie Fenech Adami u Lawrence Gonzi, għadu jiddetta fil-Partit Nazzjonalista.
Dak li dejjem kien magħruf bħala li kellu l-aħħar kelma fil-Partit Nazzjonalista anki jgħaddi messaġġi ‘by proxy’ jew jiltaqa’ ma’ Ray Bezzina, dak li jmexxi l-uffiċċju tal-Kap Bernard Grech.
Intant tant hu veru li Louis Galea qed ikun attiv ferm fil-Partit ta’ Bernard Grech, li anki qed imur laqgħat importanti ħafna fosthom waħda li saret fil-każin Nazzjonalista tal-Imqabba, li għaliha attendew numru ta’ deputati Nazzjonalisti fosthom Herman Schiavone u Toni Bezzina.
Louis Galea anki tkellem fil-laqgħa dwar il-kandidati Nazzjonalisti fuq il-ħames distrett għall-elezzjoni ġenerali li jmiss.
Jonathan Dingli ħabbar ir-riżenja tiegħu l-Ħadd filgħodu fuq il-profil tiegħu fuq facebook.
F’kitba li fiha esprima l-weġgħat tiegħu, Dingli qal li ilu xhur jistenna l-bidla fil-Partit Nazzjonalista iżda din qatt ma seħħet u qatt mhu se sseħħ jew għadha ’l bogħod.
Fil-kitba tiegħu, fil-jiem li l-Partit Nazzjonalista qed jimbotta kampanja ta’ suppost bidla, Dingli fisser kif fil-partit ta’ Bernard Grech għad hemm min qed jibqa’ jiddetta.