Il-Pulizija se tkun qed toħroġ akkużi skont il-liġi b’rabta mar-rapport li daħlilha ta’ każ ta’ bullying u li fuqu ġie ppubblikat filmat mis-sit Lovin Malta.
Il-Korp tal-Pulizija kkonferma dan ma’ ONE News fuq mistoqsijiet li bagħtet din il-kamra t’aħbarijiet.
Nifhmu li għalhekk il-ġenituri tat-tfal involuti se jkunu qed iwieġbu quddiem il-Qorti.
Il-Pulizija kkonfermat li daħlilha rapport u investigat il-każ.
Intqal li l-uffiċjali tal-Pulizija tal-Komunità flimkien mal-Pulizija tad-Distrett qegħdin jaħdmu flimkien mal-iskola inkwistjoni sabiex tiġi indirizzata s-sitwazzjoni.
ONE News hu infurmat li l-iskola inkwistjoni hi dik tal-iskola medja tan-Naxxar li tagħmel parti mill-Kulleġġ Maria Reġina.
Fil-filmat tidher tifla ta’ 12-il sena tiġi attakkata minn grupp ta’ studenti f’post f’Malta, wara l-iskola.
Aktarx il-post huwa San Pawl il-Baħar.
It-tfal jinstemgħu jgħaddu tgħajjir bl-Ingliż lejn it-tifla.
Jirriżulta li f’salt, tifla minnhom tibda tagħti daqqiet lil tifla oħra u tiġbdilha xagħarha.
It-tifla li tidher tiġi bullied bdiet tiddefendi ruħha sakemm grupp ta’ tfal jagħtu s-salt għal fuqha, fosthom tifel li jidher jitfa’ t-tifla mal-art u jibda jagħtiha mhux biss bil-ponn iżda anki bis-sieq.
AQRA WKOLL: