Il-qattiel tal-Pollakka li nstabet mejta fi ġnien l-Indipendenza f’tas-Sliema aktarx kellu x’jaqsam sesswalment mat-tfajla wara li din inqatlet.
Sorsi qrib l-investigazzjonijiet qalu ma’ ONE News li l-Pulizija qed timxi fuq it-teżi li s-suspettat qattiel kellu x’jaqsam ma’ Paulina Maria Dembska ta’ 29 sena wara li nqatlet.
L-istess sorsi żvelaw ma’ ONE News li persuna lemaħ liż-żagħżugħ suspettat fuq it-tfajla u din la bdiet tgħajjat u lanqas tirreżistih.
Nifhmu li awtopsja li qed issir fuq il-katavru se tistabilixxi iżjed fatti tal-każ li xxokkja lill-pajjiż.
Fuq ġisimha nstabu xi ġrieħi.
Aktar kmieni dalgħodu one.com.mt żvela li s-suspettat qattiel f’idejn il-Pulizija huwa Abner Aquilina li jgħodd 20 sena u jgħix iż-Żejtun.
Aquilina ġie arrestat barra l-Knisja tal-Balluta, ftit passi ’l bogħod minn fejn instabet mejta Dembska.
Dan wara li qajjem kommossjoni fil-Knisja u aktarx lissen xi kliem b’rabta mal-omiċidju.