Minkejja l-insistenza tal-Partit Nazzjonalista fuq is-segretezza tal-iskema taċ-ċedoli, ONE News jinsab f’pożizzjoni li b’mod esklussiv jippubblika ċedola t’għaxart elef ewro bejn persuna u l-Partit Nazzjonalista.
F’ritratti li waslu f’idejn ONE News, jidher il-ftehim taċ-ċedola bejn iż-żewġ partijiet jiġifieri bejn il-klijent u l-Partit Nazzjonalista.
Din iċ-ċedola, li waslet f’idejna hija minn ta’ żmien Simon Busuttil, fl-elfejn u sittax.
Fil-fatt iċ-ċedola ġġib il-firma ta’ Rosette Thake, li kienet Segretarju Ġenerali tal-partit.
Din iċ-ċedola hija waħda minn tal-bidu hekk kif din l-iskema sigrieta bdiet fl-istess sena li ppubblikajna din iċ-ċedola awtentika iżda li qed ngħattu partijiet minnha minħabba d-dettalji personali tal-individwu.
Fost il-klawsoli li hemm imniżżla fiċ-ċedola hemm li min jagħti l-flus lill-Partit Nazzjonalista, jista’ jagħżel li jġedded il-ftehim taċ-ċedola.
Id-dokument taċ-ċedola fih ukoll numru ta’ sħubija f’din l-iskema sigrieta għall-għaxar snin.
L-iskema taċ-ċedoli qed tiffinanzja l-miljuni ta’ dejn li għandu l-Partit Nazzjonalista.
Il-Partit dejjem insista li ma jippubblikax il-lista ta’ nies li qegħdin jagħtuh il-flus f’ċedoli.
Fil-fatt il-Viċi Kap Nazzjonalista Robert Arrigo kien saħaq li ċ-ċedoli m’għandhomx ikunu ta’ interess pubbliku.
Arrigo qal, “Iċ-ċedoli m’għandhomx ikunu ta’ interess pubbliku”
Dwar dan anki l-Kap Adrian Delia, li taħtu kompliet tintensifika l-ħidma fuq din l-iskema ta’ self sigriet, irrifjuta li jagħti dettalji, anki jekk jippriedka tant fuq it-trasparenza u l-kontabbilità.
Ġurnalista ta’ ONE News staqsiet, “Riċentament smajt lil Robet Arrigo, il-Viċi-Kap u qal li hemm aktar minn ħames mitt persuna li flimkien tawkom il-miljuni. Peress li inti tippriedka ħafna fuq it-trasparenza, lest li llum wara li nispiċċaw din l-intervista tippubblika l-lista tal-ismijiet tal-persuni li xtraw dawn iċ-ċedoli u tawkom il-miljuni?”
Delia wieġeb, “Irrispettivament illi m’iniex lest jew le huwa illegali li jiena nagħmel hekk għax inkun qed immur kontra.”
Din iċ-ċedola ġiet f’idejn ONE News fi żmien ta’ taqbida ħarxa għall-Kap tal-Partit Nazzjonalista.
Għalkemm Bernard Grech qed joqgħod lura milli jitkellem fuq is-suġġett tad-dejn li għandu l-partit li qed jaspira li jmexxi, hu fatt magħruf li l-klikka li hemm warajh hija l-arkitett tal-iskema sigrieta taċ-ċedoli.
Nifhmu li Bernard Grech, li ġie mbuttat mill-fazzjoni ta’ Simon Busuttil biex jikkontesta lil Delia, se jżomm iċ-ċedoli u ġa għandu n-nies li se jaħdmu fuqha wara li jtiru n-nies ta’ Delia.
Fost l-oħrajn, Louis Galea, li flimkien ma’ Lawrence Gonzi qed imexxi l-kampanja ta’ Bernard Grech, tant li anki talab lil Delia jieqaf jabbuża mil-lealtà tat-tesserati u talbu jirriżenja, wera fil-miftuħ l-appoġġ tiegħu għaċ-ċedoli.
Il-preżentatur Brian Hansford saqsa, “Inti komdu bis-sistema taċ-ċedoli?”
Louis Galea wieġeb, “Iva għaliex le, iċ-ċedoli hija xi ħaġa li l-bniedem jiġi offrut, jagħmilha hu volontarjament.”
L-iskema sigrieta taċ-ċedoli tgħaddi baxx baxx mil-liġi tal-finanzjament tal-Partiti u dan kien ftaħar bih il-Viċi Kap Robert Arrigo.
Arrigo qal, “Dawn iċ-ċedoli mhux qegħdin fil-liġi tal-finanzjament tal-partiti.”
Fil-ġimgħat li għaddew, il-Viċi Kap Nazzjonalista Robert Arrigo ftaħar li hemm iżjed minn ħames mitt persuna li taw il-miljuni lill-Partit Nazzjonalista.
“Iċ-ċedoli, Robert.” Stqarr Arrigo
“Iva importanti wkoll.” Qal Robert Cremona.
Arrigo reġa’ wieġeb, “Iċ-ċedoli huma investiment fil-Partit Nazzjonalista. Aħna llum għandna mal-ħames mitt ċedola owner. Għamilt xi erba’ kuntratti dil-ġimgħa. Huma bil-miljuni.”