Is-Sindku Nazzjonalista tar-Rabat, Samuel Azzopardi, qal li rriżenja mill-Partit Nazzjonalista sakemm jinqata’ l-każ ta’ meta saq xurban u rrifjuta li jagħmel it-test tan-nifs. Iżda, fil-verità din kienet biss sospensjoni finta.
one.com.mt jista’ jikkonferma li Samuel Azzopardi baqa’ jirrappreżenta lill-Partit Nazzjonalista fuq livell Ewropew. Iktar minn hekk, fi żmien meta suppost kien sospiż, il-ħatra tiegħu fil-Kumitat tar-Reġjuni f’isem il-PN kienet ikkonfermata mill-istess partit. Tant kien il-Partit Nazzjonalista li reġa’ kkonferma l-ħatra tiegħu li Azzopardi baqa’ fil-grupp tal-Partit Popolari Ewropew. Il-
grupp li fil-Parlament Ewropew u istituzzjonijiet oħra tal-Unjoni Ewropea jpoġġu fih membri mill-Partit Nazzjonalista. Dan id-dettal jidher b’mod ċar fis-sit elettroniku tal-Kumitat tar-Reġjuni fejn taħt il-profil ta’ Samuel Azzopardi tidher b’mod ċar l-emblema tal-EPP.
Iktar minn hekk, jirriżulta li minn dak li seħħ ilbieraħ li l-ftehim ma’ Azzopardi dejjem kien ta’ riżenja finta fejn qisu qatt ma kien xejn. Tant li filwaqt li taparsi kien sospiż, fil-mument li l-każ kien għadu għaddej mal-mument li nstab ħati reġa’ ntħatar sindku nazzjonalista.
Azzopardi kien immultat mill-qorti u saħansitra kellu l-liċenzja sospiża iżda ladarba s-sentenza ħarġet Simon Busuttil ħass li kellu jerġa’ jaħtru fil-kariga. Dan anke jekk instab ħati ta’ każ meqjus bħala serju.
“Il-Partit Nazzjonalista qiegħed jirtira b’effett immedjat is-sospensjoni ta’ Samuel Azzopardi u jerġa’ jinnominah għall-kariga ta’ Sindku tar-Rabat Għawdex. Il-każ ta’ Samuel Azzopardi hu eżempju ċar ta’ kif għandhom jimxu persuni f’karigi pubbliċi, u ta’ kif partit politiku għandu jmexxi bl-eżempju,” qal il-Partit Nazzjonalista fi stqarrija li ħalliet ħafna jistaqsu dwar dan l-istil ġdid. Stil fejn wieħed jiddaħħal lura fejn kien mal-mument li jinstab ħati.