Siefret mal-familja tagħha u ġabet Malta l-kunjatu. Fiż-żewġ okkażjonijiet użat flus il-bank li kienet taħdem miegħu. Din hi waħda mid-diversi kwistjonijiet li r-Russa Maria Efimova kienet investigata dwarhom u mitluba tispjega meta kienet fil-kustodja tal-pulizija bħala parti minn investigazzjoni li fiha hemm involut ukoll l-eks spettur Jonathan Ferris u saħansitra tressqet il-Qorti. Din il-ġimgħa r-Russa kellha tkompli tidher quddiem il-Qorti b’rabta mal-każ fejn hi akkużata li għamlet allegazzjonijiet foloz fuq numru ta’ pulizija li kienu qed jinvestigawha.
Iżda, għal darb’oħra ma dehritx u din id-darba rriżulta li saħansitra telqet minn Malta. Persuni qrib l-investigazzjoni tal-pulizija li tkellmu mal-gazzetta KullĦadd fissru kif Efimova għandha rekord li jqanqal id-dubji u saħansitra ma setgħux jifhmu kif bniedem b’kariga kostituzzjonali uża lilha bħala bażi ta’ ħafna mill-argumenti li għamel, meta nħolqot il-gidba dwar il-kumpanija Egrant u r-rabta li Daphne Caruana Galizia u Simon Busuttil allegaw li kellha mal-Prim Ministru u familtu.
Saħansitra meta kienet taħdem ma’ Pilatus Bank xtrat fi €3,000 vjaġġi għaliha u għal familtha biex marru ħadu btala Tessaloniki, il-Greċja. Dan ma’ Enrico Travel fi tranżazzjoni bin-numru tal-fattura 118260. Il-kont tefgħetu fuq Pilatus Bank u skont xhieda li tat lill-pulizija għamlet dan għax kienet qed taħdem iktar. Però mkien ma kellha xi ftehim f’dan is-sens. Bħallikieku l-btala tagħha ma kinetx biżżejjed, anke biex il-kunjatu ġie Malta ħalsitlu minn fuq dahar il-bank fejn kienet taħdem. Bħal filkaż tal-Greċja l-biljett xtratu mingħand Enrico Travel u tefgħetu fuq il-kont tal-kumpanija. Din id-darba l-valur kien inqas, ta’ €220, u qalet li dwaru għandha ftehim. Xi ħaġa li meta l-pulizija investigaw ma rriżultat b’ebda mod. Maria Efimova għandha kwistjoni ma’ Pilatus Bank għax tgħid li ma tawhiex is-salarju. Iżda, mbagħad tgħid li ftehmet biex dawn l-ispejjez jinqatgħu mis-salarju.
Anke dwar jekk kellhiex mobile tal-kumpanija jew le jidher li ma qalitx il-verità. Fil-fatt meta mistoqsija x’kien in-numru tagħha tal-mobile meta kienet taħdem il-bank qalet li l-bank qatt ma taha mobile. Iżda, imbagħad kien hemm mobile tal-marka iPhone li kien mimli affarijiet personali tagħha f’xhieda li ma tantx kienet qed tgħid il-verità. Fost oħrajn kien hemm dettalji u ritratti ta’ familtha. Gidbet fuq tqala Però ma kinux biss dawn li għokru l-għajnejn ta’ dawk li qed jinvestigaw. Jirriżulta li f’każ li għamlet, kontra l-uffiċjali tal-pulizija li investigawha, ir-Russa qalet li kienet tqila meta fil-fatt ma kinetx. Efimova hi akkużata b’akkużi foloz fil-konfront tal-pulizija li investigaw meta allegat li stmawha ħażin. Fost oħrajn f’Awwissu tas-sena l-oħra qalet li nżammet fil-kwartieri tal-pulizija l-Furjana u fi 11-il siegħa kielet darba. Allegat li dan kien se jaffettwala t-tqala. Tqala li skont dawk li jafu sew l-investigazzjoni qatt ma kienet hemm.
“Wanted” Kien iktar kmieni din il-ġimgħa li l-Maġistrat Joe Mifsud poġġa lil Efimova fuq il-lista ta’ persuni “wanted”. Dan wara li l-aħħar kuntatt li sar mal-avukat tagħha kien fix-xahar ta’ Ġunju u għalhekk reġgħet ma dehritx il-Qorti. Wara li l-Maġistrat għamel mandat ta’ arrest, meta fil-21 ta’ Lulju ma dehritx quddiem il-Qorti, saħansitra weħlet multa fuq disprezz lejn il-Qorti. Il-pulizija marru fir-residenza tagħha nhar it-Tlieta fejn hemm instab li l-post kien tbattal minn affarijiet personali. Skont xhieda tal-pulizija jirriżulta li waqfet mill-impjieg tagħha fis-27 ta’ Ġunju.
Xi ħaġa kkonfermata minn informazzjoni miġbura minn Jobs+. U minkejja li suppost tiffirma l-għassa tal-pulizija, l-aħħar li għamlet dan kien f’Ġunju li għadda. Sid il-post sostna li f’email li bagħtitlu, Efimova qalet li minħabba s-sitwazzjoni li spiċċat fiha, hi kellha titlaq mill-pajjiż. Fil-komunikazzjoni tal-pulizija mad-Dipartiment tal-Immigrazzjoni intqal li jekk din ħarġet mill-pajjiż, probabbli ħarġet għal pajjiż fiż-żona Shengen hekk kif m’hemmx informazzjoni li ħarġet mill-pajjiż. Il-Maġistrat Joe Mifsud, qal li din il-mara għandha titpoġġa fuq il-“wanted list” u li l-mandat t’arrest li għamel fil-21 ta’ Lulju se jibqa’ validu. Il-kawża ġiet diferita għall-15 ta’ Novembru