Il-Kap Nazzjonalista Bernard Grech qed jinqeda bil-pandemija sabiex jipprova jiġbor il-flus għall-Partit Nazzjonalista.
Email li qed jiżvela b’mod esklussiv ONE News u li allegatament bagħat Bernard Grech turi lill-Kap Nazzjonalista juża l-Covid-19 biex jinġabru l-flus għall-Partit Nazzjonalista.
Din l-email intbagħtet il-Ħamis, l-għada li nstabu ħames mija u għaxar każijiet ta’ Coronavirus.
Il-gazzetta t-Torċa rrappurtat li kienet ikkuntatjata minn diversi persuni li xejn ma niżlitilhom tajjeb il-fatt li allegatament rċivew email iffirmata minn Bernard Grech u li l-għan tiegħu kien li filwaqt li allegatament jbeżża’ n-nies bin-numri ta’ persuni pożittivi, jitlobhom id-donazzjonijiet.
L-email li ONE News qed jippubblika turi li din kienet mibgħuta minn Bernard Grech u fiha huwa jgħid li l-varjant m’għandux jissemma mill-Prim Ministru bħala r-raġuni għaliex żdiedu l-każijiet ta’ persuni infettati.
L-email tattakka lill-Prim Ministru u imbagħad lejn l-aħħar tal-email, li kienet immirata biex ikompli jippolitiċizza l-pandemija, Grech ħalla link sabiex dawk li jirċievu l-email setgħu iħallu donazzjoni lill-Partit Nazzjonalista.
“Il-Partit Nazzjonalista qed jissaħħaħ kuljum jekk tista’ agħti l-appoġġ tiegħek illum”, kiteb Bernard Grech filwaqt li talab donazzjoni li kienet tibda minn ħames ewro u tibqa’ tiela’ sa elf ewro.
Fl-email Bernard Grech isemmi pajjiżi partikolari iżda ħalla barra oħrajn li raw żieda fil-miżuri ristrettivi.
Fost il-pajjiżi hemm l-Italja li l-Gvern ta’ pajjiżha reġa’ impona lockdown nazzjonali ieħor.
Din mhiex l-ewwel darba li Bernard Grech ippolitiċizza l-Covid-19 fosthom meta mar fuq it-taraġ ta’ Kastilja jagħmel dik imsejħa bħala stunt politiku fejn ippolitiċizza l-imwiet ta’ persuni li kienu pożittivi għall-Covid-19.
Intant Bernard Grech qed ikompli jattakka l-programm ta’ tilqim ta’ pajjiżna fejn issa Malta diġà tat aktar minn mija u għoxrin elf doża tal-vaċċin għall-Covid-19.
Il-programm ta’ tilqim ta’ pajjiżna attakkatu wkoll l-Awstrija permezz tal-Kanċillier tagħha u anki pajjiżi bħall-Bulgarija.
Dawn iż-żewġ pajjiżi huma mmexxija minn partiti fil-Gvern imsieħba fil-Partit Popolari Ewropew, il-grupp li fih hemm imsieħeb ukoll il-partit immexxi minn Bernard Grech.
Sal-lum, l-ebda esponent Nazzjonalista fi Brussell ma ddefenda lil Malta f’dan l-aħħar attakk kkordinat li qed jgħid li Malta ħadet wisq dożi tal-vaċċin.