Fil-Qorti deher Nizar I Mustafa Al Gadi, l-istess bniedem li qed iservi għomru l-ħabs wara li nstab ħati tal-omiċidju tal-avukat Margaret Mifsud.
Din id-darba kien akkużat li f’Novembru li għadda fil-bini tal-Qorti Kriminali inġurja, hedded, jew għamel offiża fuq l-ispettur Keith Arnaud bil-ħsieb li jbeżżgħu jew jinfluwenzah.
Al Gadi, li sar reċediv, huwa akkużat ukoll li offenda tliet nisa bi kliemu jew b’għemilu, waħda minnhom Tessie Mifsud, omm l-avukata maqtula.
Il-każ imur lura għal meta l-imputat kien għadu kif ikun sentenzjat għal għomru l-ħabs wara li nstab ħati tal-omiċidju ta’ bintha. Omm il-vittma għaddiet kummenti fil-konfront tal-imputat, liema kummenti f’dak il-ħin partikolari setgħu pprovokaw reazzjoni mill-imputat, kif fil-fatt ġara.
Il-Qorti qalet li tifhem l-aġir ta’ omm li soffriet ħafna u r-reazzjoni tagħha kienet ta’ waħda li hasset li twettqet ġustizzja.
Filwaqt li l-imputat seta’ jilmenta li omm il-vittma u nannet uliedu setgħet ipprovokatu bil-kliem li qalet fil-konfront tiegħu, fil-Qorti ntqal li żgur ma setax iġib xi skuża meta hedded lill-uffiċjal tal-pulizija li qeda dmiru b’mod professjonali l-ħin kollu u qallu li issa kien imiss hu.
“You’re next” qal Al Gadi lill-Ispettur Arnaud.
Al Gadi kien ikkundannat tliet xhur oħra priġunerija u multa ta’ €5,000. Dan minbarra garanzija personali ta’ €1000 fil-konfront ta’ l-Ispettur Keith Arnaud u Tessie Mifsud.