Għal bosta, żmien il-Milied huwa żmien ta’ ferħ u ċelebrazzjoni. Fil-bidu tax-xahar, dlonk nibdew inżejnu djarna sabiex nidħlu fl-atmosfera u kif jgħaddu l-festi, bosta jitwerwru jitilgħu fuq il-miżien!
Iżda, din mhix ir-realta ta’ kulħadd għax fostna hawn uħud li minħabba problemi soċjali, jispiċċaw bla saqaf fuq rashom.
Bil-kundizzjoni tal-anonimità, ONE News tkellem ma’ raġel li qed jgħix f’Dar Papa Franġisku wara li allegatament stqarr li oħtu keċċietu mid-dar:
“Ħaduwieli l-ommi. Ilni mċaħħad minnha sentejn sewwa, u qed inħossha ħafna mingħajr ommi jiena. Oħti qed iċċaħħadni minn ommi, mhux sew tagħmel. Qaltli tiġinix lejn id-dar għax inġiblek il-Pulizija u jien ma mortx hemmhekk”.
Huwa qal li kellu jirrikorri għal Dar Papa Franġisku u fiha sab nies li laqgħuh b’idejhom miftuħin u offrewlu platt sħun u sodda fejn jorqod:
“Inti tkun tiġri barra u ma jkollokx fejn toqgħod iżommuk fhimt. Jaraw il-problemi tiegħek, iqabbduk mas-social workers, u li jkollok bżonn jgħinuk”.
Ir-raġel qal li għalkemm nieqes minn qrabatu xorta waħda sab familja:
“Qisek wieħed minn tal-familja magħhom. Jien bniedem rispettabbli, u min jagħmel xi ħaġa miegħi nirrispettah, u għinuni ma kelliex x’nilbes, ma kelliex x’niekol u tawni niekol”.
Iċ-Chairman ta’ Dar il-Hena, Anthony Gerald stieden lil dawk li huma mixtieqa mill-kumpanija biex fil-Milied jattendu għall-ikla li torganizza l-Caritas:
“F’Jum il-Milied, il-Caritas flimkien mal-Fondazzjoni Dar il-Hena f’jum il-Milied nagħmlu ikla għal dawk in-nies kollha nagħmlu ikla għaldawk kollha li jixtiequ jiġu. Din isir f’Jum il-Milied fid-dar tal-Caritas il-Furjana”.
Intant, ir-resident f’Dar Papa Franġisku qal li x-xewqa tiegħu baqgħet li jingħaqad ma’ ommu:
“Nixtieq nara lil ommi u nixtieq inkunu bħalma konna”.