F’intervent li kitbet għar-rivista Vanity Fair, Monica Lewinsky, li se tibqa’ mfakkra għar-relazzjoni skandaluża mal-eks President Amerikan Bill Clinton, qalet li tixtieq li Clinton jiddispjaċih ta’ dak li ġara. Fl-istess artiklu qalet “bye bye, Lewinsky scandal”, għaliex “20 sena kienu biżżejjed biex inġorr dak il-piż kollu fuqi”.
“Nispera biss li minħabba li qed ngħid l-istorja tiegħi, storja li affetwat lil ħafna nies, nassigura li dak li ġara lili ma jiġri qatt lil xi żagħżugħa oħra f’pajjiżna”, żiedet tgħid Lewinsky.
Intant, il-familja Clinton baqgħet tinsisti li qatt ma għamlu ħsara lil Lewinsky. Sa xahar ilu stess, Hillary Clinton ċaħdet il-fatt li r-relazzjoni skandaluża ta’ żewġu ma’ Lewinsky kien abbuż tal-poter, għaliex Lewinsky kienet adulta dak iż-żmien.
“Kieku kelli nara lil Hillary Clinton illum, nerġa’ nirrepeti kemm jiddispjaċini ta’ dak li ġara”. Dan minkejja li Bill Clinton qal din is-sena stess li ma jħossx li għandu jiskuża ruħu ma’ Lewinsky.
“Bill Clinton għandu jħoss il-bżonn li jiskuża ruħu. Kieku hu jkun raġel aħjar. U aħna jkollna soċjetà aħjar”.
Lewinsky temmet tgħid li tul dawn is-snin, l-eks President ma kienx sfurzat jaffaċċja l-iskandlu Lewinsky bħal ma kienet sfurzata hi.
“Jekk tridu tkunu tafu x’inhu poter, ħarsu lejn il-mod kif dak ir-raġel, għal snin sħaħ seta’ jagħti intervisti mingħajr il-biża’ li se jistaqsuh xi domanda li jaf li ma riedx iwieġeb”.