“Nixtieq nibda nimxi u nilgħab ma’ tfal oħra” din hija l-karba ta’ Jaydon Ciangura- tfajjel ta’ 9 snin li minħabba l-kundizzjoni li twieled biha dik ta’ Celebral Palsy, din attakkatlu n-nervituri ta’ riġlejh b’tali mod li llum il-ġurnata ma jistax jimxi bil-konsegwenza li ilu minn twelidu fuq siġġu tar-roti.
Apparti min-nervituri tar-riġlejn, din il-kundizzjoni affetwat lil Jaydon fil-kapaċita’ milli jitkellem.
Tkellimna ma’ Malise Chetcuti, ħabiba tal-familja ta’ Jaydon li spjegat kif il-kundizzjoni tiegħu taffetwah b’tali mod li ma jista’ qatt ikun indipendenti.
Minn hawn u ftit ġranet oħra, Jaydon ser jagħmel tentattiv u jmur l-Amerika sabiex jagħmel żewġ operazzjonijiet fl-isptar tat-tfal St Louis f’Missouni fejn f’intervent minnhom, it-Tobba ser jaqilgħu biċċa mir-rukkell ta’ dahru mentri fl-operazzjoni l-oħra, mistenni li jinġibed muskolu minn riġlejh sabiex b’hekk ikun jista’ jimxi.
Dawn iż-żewġ interventi li ser ifissru tliet xhur sħaħ għal Jaydon l-Amerika waqt il-vaganzi tas-Sajf jiswew aktar minn €100,000 ewro- liema fondi huma biss possibbli permezz tal-ġenerożita’ tal-poplu Malti u Għawdxi li qed jipparteċipa f’diversi attivitajiet li fihom qegħdin jinġabru d-donazzjonijiet.
Ma’ ONE NEWS, Jaydon esprima x-xewqa li malli jiġi lura f’art twelidu huwa jkun jista’ jibda jimxi bil-għan li eventwalment huwa jkun jista’ jilgħab ma’ tfal oħra.