Illum huwa t-tieni u l-aħħar jum tal-Kunsill Ministerjali tal-OSCE, li qed issir fl-MFCC f’Ta’ Qali.
Matul din il-laqgħa annwali hawn preżenti f’pajjiżna 57 Ministru tal-Affarijiet Barranin mill-pajjiżi membri ta’ din l-akbar organizzazzjoni reġjonali fl-Ewropa, fl-Asja Ċentrali u l-Amerka ta’ Fuq.
F’kitba fuq il-midja soċjali, id-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin Ian Borg, iċ-Chairperson tal-OSCE qal li wara xhur ta’ negozjati mmexxija minn Malta, huwa jixtieq li llum jintlaħaq qbil bejn is-57 pajjiż.
Fi tmiem il-Kunsill Ministerjali, iċ-Chairperson tal-OSCE Ian Borg se jindirizza konferenza tal-aħbarijiet dwar il-konklużjoni ta’ din il-laqgħa importanti.
Sadanittant, l-ewwel jum tal-Kunsill Ministerjali tal-OSCE kien dominat mit-twissijia li għamel il-Ministru għall-Affarijiet Barranin Russa, Sergey Lavrov, li bl-għoti tal-armi lill-Ukrajna d-dinja tista’ terġa’ tidħol fi gwerra bierda. Lavrov qal li din id-darba, din tista’ tkun agħar.