“Nittama li l-Knisja Kattolika tista’ ddawwal l-iljieli mudlama ta’ din id-dinja.”
Dan kien il-messaġġ ta’ Robert Francis Prevost, il-Papa Ljun XIV waqt l-ewwel quddiesa tiegħu, l-għada li sar l-ewwel Amerikan li se jmexxi l-Knisja Kattolika Rumana.
Fil-Kappella Sistina, il-Papa beda d-diskors tiegħu billi indirizza lill-Kardinali bl-Ingliż, qallhom li jaf li jista’ jiddependi fuq kull wieħed u waħda minnhom biex jimxu miegħu bħala komunità u ħbieb ta’ Ġesù u jħabbru l-bxara t-tajba, dik tal-Evaġelju.
Waqt l-omelija li kompliet bil-Latin, huwa sostna li qed jittama li hu jista’ jkun amministratur tal-knisja kollha.
Papa Ljun XIV sostna li din hija d-dinja li ġiet fdata lilna, dinja li fiha, kif għallimna tant drabi l-Papa Franġisku, aħna msejħin nagħtu xhieda tal-fidi ferrieħa tagħna f’Ġesù s-Salvatur.
Huwa tenna li l-knisja trid tagħmel aktar xogħol f’postijiet fejn hemm nuqqas ta’ fidi u din trid tagħmilha bħala parti mill-missjoni tagħha.
Żied jgħid li fl-oqsma fejn it-teknoloġija, il-flus, is-suċċess, il-poter jew il-pjaċir huma ppreferuti, l-impenn missjunarju huwa wieħed importanti ħafna.
Il-Papa temm l-omelija billi qal “Jalla Alla jagħtini din il-grazzja, illum u dejjem, bl-imħabba ta’ Marija, omm il-Knisja.”
Waqt iċ-ċerimonja għat-tmiem tal-Konklavi ġie nnutat kif kemm il-Papa kif ukoll kif il-kardinali, miġburin għall-quddies, lebsin ilbies speċjali. Il-Papa huwa l-unika wieħed li liebes karlotta bajda, filwaqt li l-kardinali huma lebsin karlotta ħamra.
Aqra Aktar: