“Nittama li jibqa’ Simon Busuttil Kap. Ma naħsibx li b’dak ir-riżultat ifisser li għandu jirriżenja mill-Partit, nifhem li joffri r-riżenja tiegħu imma nittama li l-Partit jagħti t-tweġiba għal din ir-riżenja.”
Dan kien kliem l-eks Prim Ministru u Kap tal-Partit Nazzjonalista Lawrence Gonzi li fuq programm tar-radju tal-RTK saħaq li Simon Busuttil għandu jibqa’ Kap dan minkejja t-telfa elettorali tal-Partit Nazzjonalista.
Gonzi ma nissel ebda kelma dwar x’wassal għal din it-telfa, qal biss li “ma kellux riżultat li stennejna li jkollu” u għal Simon Busuttil kellu kliem ta’ tifħir u li fi kliemu “f’dawn l-erba’ snin għamel biċċa xogħol straordinarja.”
Din ma kinitx l-ewwel dikjarazzjoni pubblika favur li Simon Busuttil jibqa’ kap, u l-manuvri interni diġà bdew.
Fl-aħħar ġimgħat il-gazzetta Kullħadd u one.com.mt żvelaw kemm-il darba dettalji preċiżi mill-qalba tal-Partit Nazzjonalista. Anke jekk Simon Busuttil qal li mhux se jikkontesta, wara pressjoni interna, fil-Partit Nazzjonalista ma damux ma bdew il-manuvri tal-establishment biex jiddettaw x’se jiġri minn issa ’l quddiem.
Fil-fatt reġgħet bdiet tiżdied il-possibbiltà li jerġa’ jaħsibha Simon Busuttil u fl-aħħar jiem bdew isiru manuvri interni bil-għan li jidher li hemm appoġġ wiesa’ biex Busuttil jibqa’ fil-kariga.
L-ewwel li bdiet tiċċirkola kienet petizzjoni online. Għamlu dikjarazzjonijiet simili bħal ta’ Laurence Gonzi numru ta’ deputati Nazzjonalisti, fosthom Robert Arrigo, Claudette Buttigieg, Ann Fenech u Jean Pierre Debono.
Dan kollu qed isir biex jiżdied il-moviment li jwassal biex Simon Busuttil jikkunsidra bis-serjetà li jagħmel dikjarazzjoni li se jibqa’ u li tmur kontra dak li qal.
Isma’ x’kellu xi jgħid l-eks kap tal-PN Lawrence Gonzi: