“Ejja nitolbu għall-paċi u biex il-gwerra fl-Ukrajna tintemm minnufih.”
Kliem l-Arċisqof ta’ Malta Charles Scicluna f’quddiesa fil-Kon-Katidral l-Erbgħa filgħodu u li tat bidu għal żmien ir-Randan.
Mixja ta’ erbgħin jum ta’ riflessjoni li se twassal għall-akbar festa tal-Kattoliċi, dik tal-Għid il-Kbir.
L-Arċisqof, anke fil-preżenza ta’ bosta Ukreni, li evidentament emozzjonati kienu qed iżommu l-bandiera tal-Ukrajna, qal kif il-gwerra mhix soluzzjoni.
Qal, “Għal daqshekk inġedded l-istedina biex kulħadd, illum it-2 ta’ Marzu, l-Erbgħa tar-Rmied, tkun ġurnata ta’ talb u sawm għall-paċi fl-Ukrajna, ġurnata biex inkunu qrib it-tbatijiet tal-poplu Ukren, biex inħossuna lkoll aħwa u nitolbu b’ħeġġa kbira lil Alla biex il-gwerra tintemm.”
Fl-omelija Monsinjur Scicluna qal kif f’pajjiżna nipprattikaw id-demokrazija u għamel referenza għall-elezzjoni ġenerali ta’ Marzu li ġej.
Hawnhekk huwa wkoll wassal messaġġ ta’ għaqda bejn iċ-ċittadini Maltin u Għawdxin.
Ma naqasx li jsemmi wkoll iż-żjara tal-Papa Franġisku f’pajjiżna bħal-lum xahar.
Waqt il-quddiesa f’talba emozzjonali, Ukrena ddeskriviet il-gwerra bħala waħda ta’ qsim il-qalb.
Qal, “We besiege your loving kindness and blessings upon the Nation, the people of Ukraine during these days of great danger to their safety and well-being. Our brothers and sisters our once again threatened by aggressors who see them only as obstacles blocking the path to the complete domination of the precious land and resources of the country of Ukraine.”
Waqt il-quddiesa, bl-Isfqijiet u s-saċerdoti lebsin il-pjaneti vjola, ġie mbierek l-irmied, simbolu ta’ Ras ir-Randan u li s-saċerdot iqiegħdu fuq ras l-insara b’xhieda ta’ ndiema.
Għal din il-quddiesa attendew ukoll l-ogħla awtoritajiet tal-pajjiż, fosthom il-President ta’ Malta, il-Prim Ministru, il-Kap tal-Oppożizzjoni, l-Ispeaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti u anke l-Prim Imħallef.