Fl-ewwel ittra tiegħu wara li ħareġ ir-rapport li analizza l-abbużi minn qassisin fid-Djoċesi ta’ Munich, il-Papa Emeritu Benedittu XVI talab għall-maħfra u ammetta l-ħtija.
Ir-rapport juri in-nuqqas tal-Arċidjoċesi ta’ Munich meta trattat każijiet ta’ abbużi fuq tfal bejn l-1945 u l-2019.
Il-Papa Benedittu, dakinhar Josef Ratzinger, serva ta’ Arċisqof bejn l-1977 u l-1982.
Aktar qabel Ratzinger kien qal li ma ltaqax ma’ vittmi ta’ abbuż f’laqgħa, filwaqt li provi oħra wrew bil-kontra.
Is-sit uffiċjali tal-Vatikan irrapporta kif f’din l-ittra, il-Papa Benedittu semma l-laqgħa li kellu ma’ dawk abbużati u qal li seta’ jara b’għajnejh l-efetti tal-atti gravi mill-kleru.
F’messaġġ ċar, Benedittu qal li dawn il-każijiet huma tal-mistħija u ta’ niket u għalhekk reġa’ talab lill-vittmi biex jaħfrulu.