“Ir-rebħa ta’ Donald Trump m’għandha tkun xokk għal ħadd. Anki jekk it-ton fl-Istati Uniti huwa wieħed ta’ dispjaċir, huwa ċar kristall li l-familji u n-negozji jridu min jieħu d-deċiżjonijiet u jisma’ t-tħassib reali tagħhom.”
Hekk stqarr il-Prim Minsitru Joseph Muscat f’kummenti ma’ dan is-sit, wara r-rebħa ta’ Trump bħala President tal-Istati Uniti tal-Amerka.
Il-Prim Ministru Malti kompla jgħid li l-prioritajiet ikunu deċiżi fid-djar tan-nies u fil-postijiet tax-xogħol, mhux fil-palazzi jew inkella fil-kmamar tal-aħbarijiet.
Jekk xejn, qal Muscat, dan iwasslu jibqa’ sħiħ fl-idea tiegħu li politiċi m’għandhom qatt isiru parti mill-istabbiliment iżda jaħdmu biex jirranġawh minn ġewwa.
F’intervista li għamel xi ġimgħat ilu, Muscat qal ċar li t-twemmin politiku tiegħu kien ferm eqreb lejn l-ideali ta’ Hillary Clinton. Qal ukoll li jekk Trump sar President, is-sistemi ta’ pajjiż kbir bħal m’hu l-Istati Uniti se jassistuh biex jifhem dak li hu mistenni mill-komunità internazzjonali.
Il-Prim Minsitru Malti qal li issa huwa ż-żmien għall-Ewropa u l-Istati Uniti li jersqu lejn xulxin, u mhux bil-kontra. L-Amerka tista’ tagħmel l-affarijiet aktar siguri u aħjar għal kulħadd.
Il-Prim Ministru tenna li : “Hemm bżonn imperattiv ta’ ekonomija sostenibbli soda, li-frott tagħha jilħqu l-kantunieri kollha tas-soċjetà permezz ta’ impjiegi u politiki soċjali tajba.”