Armin van Buuren – avukat iżda iktar milli għal-liġi huwa magħruf u kkunsidrat bħala wieħed mill-aqwa DJs fid-dinja ta’ kull żmien tant li għal ħames snin konsekuttivi ġie vvutat bħala l-aqwa DJ mill-Magazine popolari DJ Mag. Id-diski tiegħu venvnu d-diskoteki madwar id-dinja kollha fosthom dawk f’Malta b’eluf kbar ta’ żgħażagħ jiżfnu mar-ritmu tal-mużika tiegħu.
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-mużika?
Kollox beda meta kont nara lil missieri jesperimenta bil-mużika u jien ta’ tifel li kont bdejt nipprova nimitah.
Għadda ż-żmien u meta tfarfart ftit bdejt nipprova nagħmel il-mużika tiegħi jien stess. Meta kelli 10 snin, ommi rebħet kompjuter u dan għeni biex nibda nisma’ xi mużika differenti minn tas-soltu.
Dak iż-żmien ukoll ic-CDs ma kinux jeżistu allura kont noqgħod indoqq il-cassettes u fejn nista’ nipprova nħallat il-mużika kif naf.
Niftakar li kienet is-sena 1990, dak iż-żmien kelli 14-il sena u wara ħafna tentattivi rnexxieli nipproduċi l-ewwel biċċa mużikali tiegħi.
Is-sodisfazzjon li ħassejt kien enormi u dan kollu seħħ għax qatt ma qtajt qalbi u bqajt nirsisti sa ma lħaqt l-objettiv tiegħi.
Kien hemm mument fejn imbagħad kelli nikkonċentra aktar fuq l-istudji tiegħi ta’ avukat u ħames snin wara gradwajt mill-Università ta’ pajjiżi.
Kien imbagħad f’dak iż-żmien illi rnexxieli nibda ndoqq fi klabb partikolari bħala DJ hekk kif kont immur darbtejn fil-ġimgħa. Kont nagħmel sitt sigħat u aktar ndoqq dak li bl-Ingliż isejħulu multiplesets fejn hawnhekk toħroġ il-kapaċità tiegħek illi tħallat il-mużika.
Bla dubju illi l-iktar mument ili niftakar kien fl-1999 meta kelli 23 sena u ltqajt mal-mużiċist famuż Dave Lewis.
Hu kien introduċini bħala DJ f’żewġ pajjiżi ferm famużi għall-mużika kummerċjali jiġifieri l-Ingilterra u l-Istati Uniti.
Aktar ’il quddiem kelli x-xorti wkoll illi niltaqa’ ma’ Ben Liebrand illi għeni mhux ftit sabiex nibda nipproduċi u nħallat mużika kummerċjali.
Minn hemm tista’ tgħid illi qatt ma ħarist lura u bqajt indoqq f’diversi klabbs madwar l-Ewropa bl-entużjażmu li dejjem inħobb nuri.
Inti gradwat ukoll bħala avukat. Kellek iċ-ċans tipprattika l-liġi bħala xogħol. X’ġiegħlek tabbanduna dan ix-xogħol u tintefa’ fuq il-mużika?
Iktar milli abbandunajt il-karriera ta’ avukat ngħidlek illi dan ġara kollox b’kumbinazzjoni. Fil-fatt wara illi ġieni ċans indoqq fi klabbs Ewropej bħal qisni kelli nwaqqaf ftit il-kors tal-liġi. Eventwalment komplejtu mal-bidu tal-millenju l-ġdid. Iż-żmien illi qattajt fl-università tgħallimt ħafna affarijiet illi se nġorrhom miegħi tul ħajti. Imma fl-aħħar mill-aħħar kelli nagħmel għażla. U ħarsti marret lejn il-mużika li tant inħobb tant illi komplejt il-karriera ta’ deejay. Illum il-ġurnata ma jiddispjaċinix illi għamilt dan il-pass.
X’taħseb dwar ix-xena tal-mużika f’pajjiżna partikolarment id-deejays lokali?
Nista’ ngħid illi f’Malta hawn ħafna talenti mużikali u deejays ferm bravi u kapaċi. Din hija s-seba’ darba illi ġejt indoqq f’pajjiżkom u nista’ ngħid illi dejjem kont għal qalbi nagħmel kollaborazzjoni ma’ artisti Maltin.
Meta niġi Malta jkolli motivazzjoni kbira, inkun ħafna għal qalbi għax naf illi l-folla ta’ nies illi jkolli quddiemi apparti illi tipparteċipa, tiġi b’ħerqa kbira għall-wirja tiegħi.
Għadni niftakar l-ewwel drabi illi ġejt hawnhekk u kemm in-nies laqgħuni b’ħeġġa kbira. Dawn komplew jagħtuni kuraġġ u kull darba illi niġi hawn, naf illi ser immur tajjeb mas-segwaċi tiegħi.
F’dan il-kas ma nistgħux ma nsemmux lil Tenishia. Nafu illi issa Joven Grech biss għadu jdoqq.
Iva naf u hija ħasra illi baqa’ biss Joven peress li Cyprian Cassar ma baqax jifforma parti minn Tenishia.
Fuq Joven nista’ ngħid affarijiet sbieħ biss. Huwa deejay mill-aqwa fejn għandu ħabta kif iqajjem il-folla quddiemu. Għandu talenti kbar u din hija waħda mir-raġunijiet għalfejn huwa kkunsidrat bħala wieħed mill-aqwa artisti li hawn Malta.
Ma’ Tenishia anke fil-passat kelli ċ-ċans nikkolabora diversi drabi u m’hemmx dubju illi minn dejjem kienu professjonali f’xogħolhom.
Xi nies jassoċjaw il-parties mad-drogi. X’taħseb dwar dan kollu?
Jien personali ma nafx għalfejn ċerti nies jirrelataw dawn il-parties mad-drogi. Jien ma nużax droga biex nagħmel xogħli u sinċerament m’għandix għalfejn. B’xorti ħażina ssib xi żgħażagħ illi biex ‘jieħdu pjaċir’ jieħdu xi sustanzi projbiti. Fil-fehma tiegħi dan kollu huwa ridikolu għax biex tieħu pjaċir m’hemmx bżonn tieħu d-droga.
L-aħħar messaġġ tiegħek lil dawk iż-żgħażagħ illi għandhom ix-xewqa li jaqbdu l-karriera ta’ deejay.
Liż-żgħażagħ ngħidilhom biex jibdew jesperimentaw minn issa. Illum hawn ħafna programmi tal-kompjuter illi jgħinuk tipproduċi mużika ta’ kwalità. Qatt taqtgħu qalbkom, ibqgħu iġru wara l-ħolma tagħkom u tirnexxu.
BIJOGRAFIJA
Armin van Buuren twieled fil-belt Olandiża ta’ Leiden f’Jum il-Milied ta’ 41 sena ilu (25 ta’ Diċembru 1976) u huwa isem sinonimu mal-mużika kummerċjali.
Għal dawn l-aħħar snin ħadem mill-qrib fix-xena mużikali bħala deejay, recordproducer u remixer.
Magħruf għal diversi stili mużikali bħal Uplifting trance, trance, progressive trance, house; progressive house u electro house.
Diski bħal Shivers, Imagine, Rush Hour u Going Strong huma sinonimi ma’ Van Buuren u mad-diskoteki madwar id-dinja.
Ġie influwenzat minn missieru li kellu għal qalbu l-mużika u meta kellu 10 snin, ommu kienet rebħet kompjuter f’lotterija u minn hemm skopra l-kobor tat-teknoloġija.
Beda jħallat mużika bil-cassettes ta’ dak iż-żmien u jsemma’ x-xogħol tiegħu lil sħabu tal-iskola.
U kien hawn illi beda jinteressa ruħu f’dan il-qasam mużikali tant illi beda jikkollabora ma’ deejays oħra famużi u beda joħroġ CDs bil-mużika mħallta tiegħu.
Fatt kurjuż huwa illi Van Buuren studja sabiex isir avukat. Huwa beda l-kors ta’ 19–il sena iżda meta ġietu l-opportunità mar idoqq fi klabbs Ingliżi u Amerikani. Eventwalment huwa gradwa fil-kors tal-liġi però kien bejn ħaltejn x’għandu jagħmel f’ħajtu. Jagħżel ix-xogħol il-ġdid tiegħu fil-qasam legali jew inkella jkompli l-karriera ta’ deejay?
L-għażla xejn ma kienet faċli għall-personalità Olandiża sakemm fl-aħħar iddeċieda illi jkompli jiżviluppa fil-qasam mużikali.
Ilu mis-sena 2001 jippreżenta programm fuq ir-radju bl-isem ta’ A State of Trance li jisimgħuh ‘il fuq minn 37 miljun persuna minn 84 pajjiż differenti.
Skont esperti fil-qasam tal-mużika Trance, “dan il-programm fuq ir-radju kompla jżidlu l-popolarità u kabbarlu l-interess fil-mużika Trance li eventwalment xandarha madwar id-dinja bl-istil uniku tiegħu.”
Dan il-programm kien wieħed mill-aktar segwiti u fis-sena 2011 iċċelebra l-500 xandira tiegħu hekk kif żar ħames pajjiżi madwar id-dinja bi programmi diretti quddiem eluf ta’ spettaturi.
Dakinhar is-segwaċi ta’ dan il-programm kellhom iċ-ċans illi jagħżlu l-artisti li kellhom idoqqu f’dan il-kunċert speċjali; xhieda ta’ kemm Van Buuren jagħti importanza kbira lis-semmiegħa tiegħu.
M’hemmx għalfejn ngħidu li Van Buuren rebaħ numru kbir ta’ unuri fil-karriera tiegħu. Huwa ġie vvutat bħala l-aqwa deejay ħames darbiet mir-rivista Ingliża DJ Mag u spiċċa r-raba’ deejay madwar id-dinja f’dawn l-aħħar sentejn.
Fl-2014, l-artist Olandiż ġie nnominat għal Grammy Award for Best Dance Recording wara li ħareġ id-diska tiegħu This is What it Feels Like.
Kien ukoll kapaċi joħloq rekord fl-Istati Uniti hekk kif id-diski tiegħu daħlu għal 21 darba fl-aqwa 10 tal-klassifiċi Amerikani.
Għalkemm hu għandu għal qalbu l-mużika Trance, Van Buuren ma jibżax jesperimenta b’ġeneri oħra ta’ diski bħal Electro fost l-oħrajn. U huwa għalhekk illi jqis ruħu bħala deejay versatili illi jimxi kemm jista’ maż-żminijiet.
Armin Van Buuren ingħaqad fis-sagrament taż-żwieġ ma’ Erika Van Thiel fit-18 ta’ Settembru 2009 u għandhom żewġt itfal Fenna ta’ sitt snin u Remy ta’ erba’ snin.