Ir-residenti kollha li kienu fid-Dar tal-Anzjani ta’ Bormla ngħataw post alternattiv f’dar oħra.
Dan sakemm ir-residenza ta’ Bormla jsirila x-xogħlijiet neċessarji fiha.
Dan wara li rapport li sar fuq din ir-residenza, li nbniet tnejn u għoxrin sena ilu minn Gvern Nazzjonalista, wera li din il-binja hija waħda perikoluża għal dawk li jgħixu fiha, b’konkos ta’ kwalità inferjuri fost bosta nuqqasijiet oħra li ma jistgħux jiġu solvuti b’soluzzjonijiet kożmetiċi.
Meta r-rapport wera li din ir-residenza kellha aktar nuqqasijiet li ma setgħux jissolvew faċilment, kellha tittieħed deċiżjoni li tissalvagwardja s-saħħa u s-sigurtà tal-anzjani residenti fiha.
Fil-fatt, waqt li beda jsir xogħol ta’ manutenzjoni, bdew ħerġin aktar problemi.
Minħabba f’hekk ir-residenti kollha li kienu fid-dar ta’ Bormla, li b’kollox jammontaw għal 128 resident, ġew rilokati għal djar oħrajn tal-għażla tagħhom.
Kienu l-anzjani stess, jew qrabathom, li għażlu f’liema dar oħra tal-anzjani jixtiequ jmorru sakemm fuq id-Dar ta’ Bormla jsir xogħol estensiv li jiggarantixxi li r-residenti jgħixu f’ambjent bla periklu u tal-istandard li jixraq lid-dinjità tagħhom.
Waħda mill-anzjani li ġew rilokati kienet Therese Scicluna mill-Qrendi, li issa tinsab tgħix ġewwa dar tal-anzjani oħra f’Ħal Għaxaq.
Lil Therese staqsejniha kif qed tħossa issa li mxiet għal din ir-residenza.
“Kuntenta ħafna, għadna bitħa kbira fejn nkunu nistgħu noħorġu barra noqgħodu nagħmlu nofs siegħa jogging, kien xi darba. Għal qalbi ħafna, l-ikel tajjeb u l-istaff helu kollhu, mill-manager ‘l isfel kollha, jaqduna u jagħtuna affarjiet iktar milli nitolbu aħna.”
Therese Scicluna
Therese spjegat ukoll li din ir-residenza tagħmel diversi attivitajiet mill-isbaħ.
“Imorru bix-xarabank, ikun hemm xi monti jew suq imorru. Għandi ħabiba u nmorru flimkien”.
Therese Scicluna
Dwar ix-xogħlijiet li qed isiru ġewwa dar ta’ Bormla, il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija għall-Anzjanità, Dr. Renzo Degabriele qal illi sadanittant għaddej il-proċess biex jibda x-xogħol li hemm bżonn isir, fosthom ta’ rinovar meħtieġ u tibdil strutturali fejn meħtieġ.
“Fil-ġranet li ġejjin issa se tgħaddi għand id-Dipartiment tal-Kuntratti sabiex jara l-offerti biex minnhekk tiġi ppubblikata u wara nilqgħu l-offerti biex jiġi aġġudikat u minn hemm jibda fuq din id-dar.”
Il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija għall-Anzjanità Attiva Renzo Degabriele