Fil-Ġimgħa l-Kbira l-Papa Franġisku għamel diskors imqanqal quddiem eluf ta’ persuni. Fosthom kien hemm sorijiet, familji, tfal u żgħażagħ. Huwa għamel dan id-diskors hekk kif kien qed imexxi l-Via Crucis fil-Kolossew f’Ruma.
Fid-diskors tiegħu l-Papa għamel referenza għall-iskandli marbuta mal-Knisja. Huwa stqarr li “jistħi” quddiem dawn l-iskandli ta’ abbużi fuq minuri.
Iżda dan ma kienx l-unika punt li qajjem il-Papa hekk kif huwa esprima d-dispjaċir tiegħu quddiem in-numru, li dejjem qed jiżdied, li qed jitilfu ħajjithom, fost oħrajn, fi gwerrer u terroriżmu.
Għamel referenza ukoll għall-immigranti li qed jitilfu ħajjithom fuq il-baħar fi triqthom lejn tama aħjar u għal dawk li qed jiġu diskriminati minħabba l-fidi jew l-etniċità tagħhom.
Is-sens ta’ biżà u terrur li qed jaħkem lid-dinja kien jinħass ukoll matul il-Via Crucis hekk kif iż-żona kienet qed tiġi salvagwardjata minn numru ta’ Pulizija u suldati. Numru li kien akbar mis-soltu fid-dawl tal-aħħar attakki terroristiċi. Il-pubbliku kellu jgħaddi minn numru ta’ proċeduri ta’ sigurtà.