L-importanza tas-settur marittimu rajnieha tilħaq il-qofol tagħha matul il-pandemija.
Dan kemm fil-qasam ta’ provvisti essenzjali, kif ukoll minħabba opportunitajiet ta’ xogħol li joffri lil diversi nies. Dan qalu l-Prim Ministru Robert Abela f’laqgħa li kellu mal-Forum Marittimu Malti f’Kastilja, fejn sema’ wkoll dwar l-irwol prinċipali tal-Forum u kif dan jiġbor l-operaturi kollha biex jiddiskutu xi kwistjonijiet biex jiġu trattati b’mod kollettiv.
Il-Prim Ministru spjega kif issa l-Gvern se jħares lejn il-pass li jmiss, jiġifieri li s-settur jikber, għaliex l-operaturi fis-suq jifilħu għal espansjoni. Il-Prim Ministru nnota wkoll kif is-sehem tal-Forum huwa kruċjali biex joffri direzzjoni b’saħħitha lil dan il-Gvern f’dan il-qasam.
Dr Abela qal ukoll li laqgħat bħal dawn jirriflettu l-prinċipju ewlieni tal-Gvern li jkompli jisma’ min-nies li joffru l-aqwa direzzjoni possibbli ta’ kif Malta tilħaq l-eċċellenza. Qal ukoll li laqgħat bħal dawn isiru mhux biss biex wieħed jitkellem dwar l-ideat, iżda biex jitfasslu pjanijiet konkreti.
Iċ-Chairman tal-Forum Marittimu Malti, l-Imħallef Emeritus Joseph Zammit McKeon irringrazzja lill-Prim Ministru talli dejjem inżammet komunikazzjoni kontinwa bejn il-Gvern u l-Forum. Żied ukoll li l-forum tħoss ċertu responsabbiltà li tipprovdi s-soluzzjonijiet għad-diffikultajiet varji li jinħolqu fis-settur.
Waqt il-laqgħa saret ukoll preżentazzjoni dettaljata mil-Kap Eżekuttiv tal-Forum Kevin Borg.
Preżenti kien hemm ukoll il-Ministru għat-Trasport Ian Borg u ċ-Chairman u Kap Eżekuttiv ta’ Transport Malta Joseph Bugeja.