“Nistgħu nibdew inħarsu ‘l quddiem lejn ir-ritorn tan-normalità.”
Dan qalu l-Prim Ministru Robert Abela f’konferenza tal-aħbarijiet wara l-wasla tal-vaċċin għall-kontra l-COVID-19 f’pajjiżna.
Il-Prim Ministru Robert Abela stqarr: “Permezz ta’ dan il-vaċċin, qed nagħtu tama lill-anzjani tagħna, lil dawk fostna li huma vulnerabli u lill-għeżież tagħhom, li fl-aħħar xhur iva bagħtew ħafna. Lil ħafna nanniet li jistgħu jibdew iqattgħu l-ħin man-neputijiet, lill-ulied li jerġgħu jibdew jaraw il-ġenituri anzjani tagħhom. Il-wasla tal-vaċċin illum tfisser ukoll serħan il-moħħ għan-negozji tagħna u għall-poplu kollu.”
Dr Abela qal li ma ħallejniex il-pandemija tegħlibna, għaliex investejna kemm fis-saħħa kif ukoll fl-ekonomija. Fakkar ukoll kif il-Gvern ressaq budget wara l-ieħor, fejn il-komunità kummerċjali kompliet għaddejja.
Huwa sostna: “Ġimgħa wara ġimgħa, minn Ġunju li għadda rnexxielna nniżlu l-qgħad. Kuntrarju għal kull tbassir li kellna ta’ eluf ta’ nies qiegħda. Xahar wara xahar kellna bejgħ tal-propjetà aktar b’saħħtu.”
Il-Prim Ministru qal li pajjiżna żamm il-livell ta’ attività ekonomika ogħla sew minn ta’ pajjiżi oħra u qal li dan se jkun kruċjali biex inkunu minn tal-ewwel li naqbdu bit-triq ta’ rkupru.
Hawn appella lill-poplu Malti għal tama u kuraġġ: “Kif konna wara n-negozji, wara l-ħaddiema kollha tagħna f’dawn l-aħħar xhur, se nibqgħu hemmhekk sa dik id-data li fiha nkunu żġurajna li n-negozji tagħna jkunu ħarbu kollha u li l-impjiegi f’pajjiżna jkomplu jissaħħu. Kburi bir-riżultati li ksibna flimkien, fadal x’nagħmlu u għalhekk irridu nibqgħu naħdmu. Għaddejna l-aktar perjodu diffiċli, fadal però perjodu li huwa kruċjali wkoll u għaldaqstant il-Gvern, id-deċizjoni mhuwiex se jirritira s-sapport tiegħu, l-appell tiegħu lejn in-negozji sakemm ikunu żġurajna li kulħadd irpilja, kulħadd ġie fuq saqajh u nkunu verament irritornajna għan-normalità sħiħa.”
Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne qal kif sa issa matul dawn l-aħħar xhur konna qed niddefendu kontra dan il-mikrobu, u issa bil-vaċċin nistgħu nattakkaw.
Fakkar kif minn Frar, pajjiżna kien l-ewwel pajjiż fl-Ewropa li mbbotta lill-Kummissjoni Ewropea biex l-istati membri jaħdmu flimkien u jixtru l-vaċċin flimkien.
Hawn ħabbar ukoll kif mingħand BioNTech u Pfizer, pajjiżna se jirċievi 600,000 doża, jiġifieri 100,000 doża iżjed minn dak li oriġinjarjament kien imħabbar it-Tnejn li għadda.
Huwa qal: “Minn għada stess ħa nibdew inlaqqmu ċ-ċittadini Maltin. L-ewwel ftit ġranet ħa nibdew bil-mod, b’2,000 fl-ewwel ġimgħat, imbagħad inżidu għal 5,000 fil-ġimgħa, iżidu għal 10,000 fil-ġimgħa u mbagħad nibdew nagħtu mal-20,000 vaċċin fil-ġimgħa, biex il-pjan tagħna hu li sas-sajf inkunu laqqamna maġġoranza tal-poplu Malti u Għawdxi biex inkunu lħaqna dik il-famuża ‘herd immunity’, illi tista’ allura tagħti s-saħħa lura u l-ħajja lura lill-poplu Malti u Għawdxi.”
Qal ukoll li se jingħata ċertifikat b’mod virtwali lil dawk li se jieħdu t-tilqima kontra l-COVID-19, biex meta ssir is-sistema tal-passaport tal-vaċċin din diġà se tkun lesta.
Id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne saħaq: “Illi jfisser illi l-miljuni ta’ ċittadini Ewropej, li ħa jkunu tlaqqmu sas-sajf, ikunu jistgħu jivvjaġġaw u jkunu jistgħu jiġu Malta b’mod sigur. Għax ikollhom l-immunità għax ikunu ħadu l-vaċċin u b’mod sigur mingħajr ma nkunu qed nagħmlu perikli għas-saħħa tal-poplu tagħna, inkunu qegħdin nerġgħu nagħtu spinta qawwija lill-ekonomija, spinta qawwija lit-turiżmu u b’dan il-vaċċin, allura ħa jfisser mhux biss is-saħħa tal-poplu tagħna imma s-saħħa tal-ekonomija tagħna.”
Is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, il-Professur Charmaine Gauci qalet li din il-ġurnata hija waħda speċjali, hekk kif tul din il-pandemija kien hemm diversi miżuri ta’ restrizzjoni, u issa barra dan hemm it-tama u s-soluzzjoni tal-vaċċin.
Prof. Gauci stqarret: “Issa madankollu għandna l-vaċċin ukoll, u dawn iridu għalissa jibqgħu mexjin in parallel ma’ xulxin. Allura rridu nibqgħu nieħdu ħsieb il-prevenzjoni minn dan il-virus. Irridu nibqgħu għaddejjin bil-mezzi ta’ mitigazzjoni sakemm eventwalment ħa jkollna l-popolazzjoni tagħna li tkun imlaqma biżżejjed biex b’hekk il-firxa ta’ dan il-virus tiġi kkontrollata.”
Intant, id-Direttur Reġjonali tal-Għaqda Dinjija tas-Saħħa, Hans Kluge faħħar l-impenn tal-Gvern Malti sabiex dan il-vaċċin wasal f’pajjiżna.
Well done to health leadership in Malta @chrisfearne @RobertAbela_MT for preparations to start #COVID19 vaccination tomorrow with strong support for uptake by highest political leaders 👏 https://t.co/Afap5N7XO0
— Hans Kluge (@hans_kluge) December 26, 2020