Fl-intervista li għamillu Fabian Demicoli, il-Prim Ministru tkellem ukoll dwar l-ambjent u l-miżuri li qed jieħu l-Gvern.
Saħaq li anki kieku l-ambjent mhux tema popolari mal-elettorat, il-Gvern huwa fid-dover li dan is-suġġett iżommu fuq quddiem tal-aġenda tal-ħidma tal-Gvern.
Hawn semma l-proġett tax-shore-to-ship, li mhux biss qed isir fil-Port il-Kbir iżda anki fil-Port Ħieles.
Robert Abela stqarr, “B’dak il-proġett t’aktar minn €50 miljun li tajjeb ngħid ukoll ġibnih bis-saħħa ta’ fondi Ewropej, mela hemmhekk l-għaqal tagħna mhux biss ġibna l-akbar pakkett ta’ fondi Ewropej imma l-mod kif nutilizzawhom, hemmhekk se jkollna sistema fejn il-bastimenti jitfu l-magni tagħhom, jonqsu naturalment l-emmissjonijiet u l-bżonnijiet ta’ kurrent elettriku se jkunu qed jinġiebu mill-kolonni tax-shore power illi se jkunu qegħdin installati fuq il-moll.”
Dwar is-settur tal-kostruzzjoni l-Prim Ministru semma miżura importanti li se tgħin biex jonqos żvilupp ġdid u minflok jintużaw binjiet li jistgħu jiġu konservati u jaqdu l-ħtiġijiet tal-koppji żgħażagħ fost oħrajn, li huma interessati li jixtru proprjetà.
Dr Abela rrimarka, “Jekk inti tixtri proprjetà f’dik li hija urban conservation area, hemmhekk aħna tajna benefiċċju ta’ taxxa massiv li fuq l-ewwel €750,000 ta’ prezz ta’ xiri ta’ proprjetà, inti ma tħallasx taxxa. Il-VAT fuq xogħlijiet li tagħmel tieħodha kollha lura sal-valur ta’ €300,000. Barra dan skemi oħrajn li tajna, jiġifieri jekk inti tixtri proprjetà li ilha battala għal numru ta’ snin anki jekk mhiex f’UCA, jekk ilha battala għal numru ta’ snin biex ninkoraġixxu li proprjetajiet battala jiġu użati flok jinbnew oħrajn ġodda, dak tajna hemmhekk skemi l-istess bħal dak li tajna għal proprjetà ġewwa UCA.”
Dr Abela semma l-ispazji miftuħa ta’ Wied Fulija u l-Park Nazzjonali ta’ Ta’ Qali kif ukoll il-pjan tal-Inwadar biex il-familji jkollhom żoni iżjed rikreattivi.
Semma t-tneħħija tal-użu tal-plastik ta’ darba u hawn qal li l-poplu kkopera bi sħiħ filwaqt li semma l-inċentivi massivi favur ix-xiri ta’ karozzi li jniġġsu inqas.
Fuq kollox qal li fl-investiment tal-enerġija rinovabbli hemm potenzjal u pajjiżna għandu fejn jagħmel iżjed.
Dan f’kuntest li fi gżiritna l-qawwiet tax-xemx u r-riħ jagħmlu tagħhom.