Il-Kummissjoni Elettorali tfakkar lil kull min kien kwalifikat biex ikun reġistrat bħala votant fil-31 ta’ Marzu 2018, dwar l-importanza li jivverifika li ismu/isimha u l-partikolaritajiet tiegħu/tagħha jidhru fir-reġistru elettorali rivedut, ippubblikat fis-27 ta’ April 2018.
Dawk il-persuni li saru ċittadini ta’ Malta b’naturalizzazzjoni jew b’reġistrazzjoni u dawk li għandhom ċertifikat ta’ ċittadinanza doppja għandhom dritt ikunu reġistrati bħala votanti f’dan ir-reġistru jekk, fil-31 ta’ Marzu 2018, kellhom il-kwalifiki meħtieġa skont il-Kostituzzjoni ta’ Malta u skont l-Att dwar l-Elezzjonijiet Ġenerali (Kap 354). Għalhekk dawn il-persuni huma mħeġġa jivverifikaw li jidhru bħala votanti fir-reġistru msemmi.
Min ma ġiex inkluż f’dan ir-reġistru, avolja ma jkunx għamel applikazzjoni qabel lill-Kummissjoni Elettorali għal dan l-għan jew li xi partikolaritajiet tiegħu kif jidhru fir-reġistru jeħtieġu korrezzjoni, jista’ jippreżenta appell lill-Uffiċjal Reviżur sa nhar il-Ġimgħa 18 ta’ Mejju, 2018, sabiex jitlob li ismu jiddaħħal f’dan ir-reġistru. Kull min jixtieq jippreżenta appell jista’ jikseb għajnuna mill-Uffiċċju Elettorali, Triq il-Merkanti, il-Belt Valletta jew mill-Uffiċċju tal-Karta tal-Identità, 28A, Pjazza San Franġisk, ir-Rabat Għawdex.
Il-Kummissjoni Elettorali tixtieq tfakkar lill-pubbliku bil-faċilità online fejn wieħed jista’ jara jekk hux reġistrat bħala votant fir-reġistru elettorali ta’ April, 2018. Dan jista’ jsir billi tidħol fis-sit elettroniku tal-Kummissjoni Elettorali (www.electoral.gov.mt) u tagħfas jew il-buttuna ‘Nista’ nivvota?’ jew il-buttuna ‘Fittex fir-Reġistri’ mill-għażla ‘Reġistri Elettorali’ taħt is-sezzjoni ‘Pubblikazzjonijiet’.