Fix-showroom ta’ NISSAN fi Blata l-Bajda ġie preżentat il-vann il-ġdid elettriku tat-tip ENV 200.
NISSAN f’Malta hija pijuniera fil-karozzi elettriċi li ġabet fis-suq u dan il-vann li oriġinarjament jiswa qrib is-sebgħa u tletin elf ewro jista’ jiġi jiswa ftit inqas minn erbatax-il elf ewro permezz ta’ inizjattivi favur l-użu tal-karozzi elettriċi.
Fost il-miżuri hemm għotja f’għajnuna lix-xerrejja li tlaħħaq sebat elef ewro, rifużjoni tat-taxxa u għotja oħra mogħtija mill-Malta Enterprise lin-negozji li jinvestu f’karozzi elettriċi.
Għal din il-preżentazzjoni kien hemm il-Prim Ministru Joseph Muscat u l-Ministru għat-Trasport Ian Borg.
Dr. Joseph Muscat fisser il-viżjoni tal-Gvern li jbiddel mentalità fejn iċ-ċittadin jagħżel li jinvesti f’karozzi elettriċi li ma jarmux emissjonijiet fl-arja.
“Irridu nkunu l-ewwel pajjiż li neqilbu għall-karozzi elettriċi”, saħaq il-Prim Ministru.
Fisser kif fi żmien mhux imbiegħed il-Kabinett se jiddiskuti d-data stipulata meta ssir il-qalba għall-karozzi elettriċi.
“Fil-Budget li se nippreżentaw għas-sena d-dieħla se nagħtu direzzjoni u sinjal ċar li l-qalba għall-inqas karozzi li jniġġsu tinsab fuq l-għatba”, aċċena Dr. Muscat.
Tkellem ukoll il-Ministru Ian Borg u fakkar li l-Gvern b’mod ċar qed juri liema hi d-direzzjoni favur trasport sostenibbli permezz ta’ inċentivi finanzjarji.
Min-naħa ta’ NISSAN tkellem is-Sur Ian Mizzi li faħħar il-politika tal-gvern li tappoġġja lis-settur privat biex dan jilħaq l-ambizzjonijiet tiegħu favur l-ambjent.