Mill-anqas 100 Palestinjan sfaw maqtula waqt attakki mill-ajru li Iżrael wettaq il-Ħamis, li jinkludu 27 li kienu qed jistkennu fi skola fit-Tramuntana tal-Istrixxa ta’ Gaza.
Dawn l-attakki waslu hekk kif Iżrael qed iżid l-intensiva tiegħu f’kampanja, li skontu, hija intenzjonata li tpoġġi pressjoni fuq il-Hamas sabiex eventwalment jiġu eliminati darba għal dejjem minn Gaza.
L-iġsma ta’ 14-il tifel u tifla u ħames nisa instabu fl-iskola ta’ Tuffah. In-numru ta’ mwiet jaf ikompli jiżdied hekk kif madwar 70 ruħ jinsabu f’qagħda kritika minħabba l-ġrieħi li sofrew. Aktar minn 30 resident ta’ Gaza inqatlu waqt l-attakki fuq id-djar tagħhom f’Shijaiyah.
Iżda bħas-soltu l-militar ta’ Iżrael iġġustifika l-attakk billi qal li l-mira kienet ċentru ta’ kontroll u kmand tal-Hamas fil-belt ta’ Gaza u li dejjem joqgħodu attenti sabiex ma jkunx hemm ħafna ċittadini li jsofru. Din kienet l-istess skuża li użaw meta attakkaw binja tal-Ġnus Magħquda li kienet qed tintuża bħala xelter il-ġurnata ta’ qabel fejn mietu mill-anqas 17-il persuna.
Il-Hamas ikkundannaw l-attakk fuq l-iskola li sejħulu massakkru faħxi ta’ ċittadini innoċenti.
Il-Forzi tad-Difiża Iżraeljani qalu li minn meta reġa beda jiġġieled fit-18 ta’ Marzu huwa attakka madwar 600 sit f’Gaza u qatel aktar minn 250 militant tal-Hamas li jinkludu 12-il uffiċjal għoli fl-operat militari tal-grupp militanti.