Il-ġinekoloġija għal nisa ta’ ’l fuq minn 60 sena huwa servizz ieħor li se jibda jingħata mir-residenza ta’ San Vincenz de Paul. Dan is-servizz mistenni jingħata lil madwar 70,000 mara li għandhom 60 sena jew aktar u huwa fost kullana ta’ servizzi oħra speċjalizzati fil-ġerjatrija li qed jingħataw minn kliniki f’San Vincenz de Paul.
Dan is-servizz ġdid tħabbar waqt konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Ministru għall-Anzjanità Attiva, Jo Etienne Abela,, flimkien mal-Kap Eżekuttiv ta’ San Vincenz de Paul, Dr Josianne Cutajar, u l-Kap tad-Dipartiment tal-Ostetriċja u l-Ġinekoloġija tal-Isptar Mater Dei, il-Professur Yves Muscat Baron.
Is-servizz tal-ġinekoloġija se jkun qed jippreveni kundizzjonijiet ikkawżati mill-menopawża.
Fi kliem il-Ministru Jo Etienne Abela: “Permezz ta’ din il-klinika, nixtiequ li nidentifikaw dawn in-nisa li huma ta’ riskju għoli biex nevitawlhom problemi fil-futur.”
Il-Professur Muscat Baron spjega ma’ ONE News waħda mill-problemi li jaffaċjaw nisa avvanzati fl-età.
“Problemi tal-menopawża combined mal-età li jistgħu jkunu aktar serji. Waħda minnhom hija osteoporożi. Osteoporożi hija d-dgħufija tal-għadam: aktar ma jgħaddi ż-żmien fuq il-menopawża, minħabba n-nuqqas tal-hormones tan-nisa, l-għadam jiddgħajjef. Il-hormones tan-nisa jżommu l-għadam b’saħħtu; kif titlef il-hormones tan-nisa jiddgħajjef l-għadam. Jekk jiddgħajjef l-għadam hemm iżjed riskju ta’ ksur.”
Huwa innota vantaġġ ieħor b’dan is-servizz.
“Aħna d-dipartiment tagħna nieħdu ħsieb in-nisa li kellhom IVF, nisa tal-maternità, u mbagħad dik it-taħlita li inti għandek nisa pregnant ma’ nisa daqsxejn anzjani, mhux daqshekk taħlita tajba ħafna. Jekk inti tifrex ix-xogħol, tnaqqas il-waiting time u l-waiting list.”
Il-Kap Eżekuttiv ta’ San Vincenz de Paul, Josianne Cutajar, qalet li f’San Vincenz de Paul se jkun hemm apparat li jintuża għall-ultrasound u scanner għall-bone density. Żiedet tgħid li din il-klinika hija parti minn strateġija akbar li tiżgura l-aqwa kura għall-anzjani.
Intant, il-Ministru Joe Etienne Abela ħabbar li aktar tobba żgħar qed ifittxu li jispeċjalizzaw fil-kura għall-anzjani.
“Huwa pjaċir tiegħi li, din is-sena, f’dawn l-aħħar ftit ġranet, kellna l-akbar intake ta’ tobba li jridu jispeċjalizzaw fil-ġerjatrija kemm ilu jeżisti s-settur. Daħlu seba’ tobba żgħar li fi ftit snin se jkunu speċjalisti fil-ġerjatrija.”