Il-Jum Internazzjonali għan-Nisa huwa jum li jikkommemora kemm il-kisbiet li nkisbu tul dawn l-aħħar snin iżda kif ukoll l-isfidi li n-nisa tal-lum qed jaffaċċjaw bħala drittijiet fundamentali, b’mod partikolari fid-dinja tax-xogħol. Statistika maħruġa mill-Uffiċċju Nazzjonali għall-Istatistiki wriet kif persuna minn kull tlieta f’kariġi maniġerjali misjuba fl-Unjoni Ewropea hi mara. L-istess statistika wriet kif minkejja l-ħidma li qed issir biex in-nisa jitqiesu ugwali fuq il-post tax-xogħol, id-differenza għadha xorta waħda qed tinħass.
One.com.mt tkellem ma’ tliet nisa, li jinsabu f’kariga li ttihom lok li jmexxu in-negozju tagħhom, fejn qasmu l-esperjenza tagħhom fid-dinja tax-xogħol u kif ukoll taw il-pariri tagħhom.
Charlene Mercieca
Charlene Mercieca hi tfajla Maltija li tul dawn l-aħħar xhur rebħet il-qlub ta’ ħafna wara l-battalja li kellha kontra l-kanċer tas-sider. Hi serviet u għadha meqjusa bħala ispirazzjoni għal bosta, fejn bi kliemha tqawwilek qalbek u timlik bit-tama għal dak li toffri l-ħajja.
Charlene hi s-sid ta’ ħanut bl-isem ta’ Soap Cafe Malta fejn toħloq sapun, fwejjaħ, u diversi affarijiet oħra b’mod naturali mingħajr ebda użu ta’ kimika tossika. Meta ġiet mistoqsija dwar kif tibbilanċja l-ħajja personali tagħha u l-karriera, Charlene, qaltilna li l-ewwel li żżomm f’moħħa hi l-importanza ta’ saħħitha, dan sabiex ma taċċettax xogħol li ma tkunx tista’ tiflaħ għalih. Hi qalet li l-importanti hu li taħdem biex tkun tista’ tgħin lilek innifsek tgħix iżda mhux li tgħix biex taħdem biss.
Tul il-karriera tagħha Charlene qaltilna li leżżjoni li tgħalmet hi li dejjem trid tibqa’ titgħallem u tadatta għas-sitwazzjoni li tkun fiha. Meta ġiet mistoqsija dwar l-esperjenza tagħha bħala mara fid-dinja tax-xogħol, Charlene qalet li hi ma esperjenzat xejn differenti minn kieku kellha tkun raġel. Sostniet li dejjem kellha relazzjoni tajba fuq ix-xogħol kemm ma’ negozjanti nisa u kif ukoll mas-sess oppost.
Dwar x’jgħamel persuna mexxej tajjeb qalet li mexxej tajjeb hu dak il-bniedem li ma jqisx lilu nnifsu bħala mexxej, iżda li jmexxi n-negozzju b’eżempju u mhux bil-kliem biss.
Il-parir ta’ Charlene għal dawk kollha li qed jimirħu biex jaslu f’kariga li jixtiequ hu li “qatt tipprova tilħaq għan biex timpressjona jew turi li int aħjar minn ħaddieħor, Aħdem biex tilħaq dak li tixtieq qalbek b’passjoni u dedikazzjoni. Jekk verament temmen f’dak li qed tagħmel jew tikseb, mhux int biss se tkun qed tgawdi iżda kulħadd.”
Grace Borg
Grace Borg hi mara li żgur m’għandha bżonn ebda introduzzjoni. Mara li dejjem żammet mal-kelma li temmen fiha u dejjem kienet ta’ eżempju għal ħaddieħor.
Grace tmexxi l-ħwienet Exotique u bħala mara f’irwol maniġerjali hi qaltilna li lezzjoni li tgħalmet tul il-karriera tagħha hi li m’għandek tafda lil ħadd ħlief lilek innifsek.
L-esperjenza tagħha bħala mara fid-dinja tax-xogħol għalmitha li biex tmexxi b’għaqal trid tkun persuna assertiva u kif ukoll ikollok integrità.
Meta staqsejniha dwar kif irnexxiela tibbilanċja l-ħajja personali tagħha u kif ukoll l-karriera, Grace qaltilna li biex wieħed isib il-bilanċ mhix faċli. Hi qalet li l-fatt li n-negozju tagħha kien wieħed immexxi minnha u minn familtha kienet ħarira aktar faċli, dan għax setgħet taħdem b’aktar flessibiltà.
Il-parir ta’ Grace għal qarrejja kollha hu li “trid tkun persuna b’integrità, tgħid dak li int tħoss iżda l-importanti li tieħu responsabbiltà għad-deċiżjonijiet li tieħu.”
Yana Azzopardi
Yana Azzopardi hi tfajla li l-ħolma tagħha li tagħmel negozzju billi tiddisinja u toħloq ġojjellerija mill-isbaħ saret realtà fl-2010.
Yana tmexxi n-negozzju tagħha bl-isem ta’ Yana’s Jewellery, fejn toħloq u tbiegħ ġojjellerija magħmula bl-idejn u li bħalha ma ssib imkien. Meta one.com.mt staqsiha dwar x’lezzjoni tgħallmet tul il-karriera tagħha, Yana qaltilna li mhix faċli biex tirnexxi u li l-iktar ħaġa importanti hi li temmen fil-prodott tiegħek u dejjem tibqa’ tirsisti.
Rigward l-esperjenza tagħha bħala mara fid-dinja tax-xogħol, Yana qalet li kienet waħda mimlija avventura u apparti minn hekk kienet waħda li ħallietha sodisfatta. Hi qalet li mexxej li jirnexxi jrid ikun wieħed li jkun dedikat ħafna f’xogħolu u li jkun mgħarraf sew dwar il-prodott tiegħu.
Meta staqsejniha dwar kif jirnexxila ssib bilanċ bejn il-ħajja personali tagħha u l-karriera, Yana spjegat li trid tkun organizzata ħafna u effiċjenti f’kull ħaġa li tagħmel.
Parir wieħed li hi xtaqet tagħti hu li “dejjem iffoka fuq proġett wieħed qabel tibda ieħor, u dejjem għamel lista ta’ x’inhuma l-vantaġġi u l-iżvantaġġi ta’ kull deċiżjoni li tkun se tieħu.”