Iż-żminijiet inbidlu, u bil-mod il-mod, anke l-mentalità qed tinbidel.
Kien dan is-sentiment li ressqu d-diversi kelliema li l-Ġimgħa filgħaxija ffurmaw il-panel waqt l-attività li organizza l-Partit Laburista bit-tema ‘Nisa Suċċess’ mmexxija mill-President Nikita Zammit Alamango.
F’Jum il-Mara, ħames persuni, li llum il-ġurnata kisbu suċċess fil-karriera tagħhom, tkellmu dwar x’għandu jsir fl-isfond ta’ azzjoni pożittiva, proposta mill-Prim Ministru Joseph Muscat.
Karen Mugliett, li hija lettur fl-Univeristà ta’ Malta, qalet li hemm bżonn iktar rappreżentanza ta’ nisa f’oqsma differenti, inkluż f’dawk li huma iktar assoċjati mal-irġiel.
Karen Mugliett, lettur fl-Università ta’ Malta qalet: “Li jkun hemm diversifikazzjoni fir-rappreżentazzjoni tagħna biex l-affarijiet jiġu ddiżinjati biex ngħid hekk żviluppati mhux biss mill-irġiel jew il-maġġor parti tal-irġiel imma min-nisa wkoll u anke min-nies differenti għax daż-żmien fis-soċjetà tagħna hux hekk hawn nies b’karatteristiċi differenti iġifieri hemm bżonn ta’ rappreżentazzjoni iktar wiesgħa”.
L-investiment fl-edukazzjoni huwa wkoll essenzjali bil-għan li jkun hemm iktar xokkijiet fis-soċjetà.
Il-konsulent kirurġiku Rachel Abela saħqet li l-iżvilupp tal-irwoli jgħin biex ikun hemm iktar rikonoxximent tal-karatteristiċi u l-kapaċitajiet tan-nisa.
Rachel Abela il-Konsulent Kirurġiku qalet: “Kemm fil-partiti kemm fil-postijiet tax-xogħol minflok vertikali, orizzonatali għaliex ambizzjonijiet kulħadd għandu, in-nisa jkollhom daqs l-irġiel. Imma hemm ċertu areas fejn minflok insiru top heavy, hemm ċertu struttura li rridu niżvolgu iżjed f’element orizzontali”.
Ir-rappreżentazzjoni tan-nisa fil-politika u f’bordijiet qed tiżdied, u dan juri li l-politika tal-Gvern qed tħaddan l-importanza tal-mara.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni Valletta 2018 Catherine Tabone saħqet fuq il-bżonn li l-meritokrazija tkun l-ordni tal-ġurnata fejn tidħol l-għażla.
Catherine Tabone, qalet: “In-nisa għandhom jiġu magħżula mhux biex tintlaħaq statistika imma għandhom jiġu magħżula b’bażi ta’ meritokrazija u abbażi ta’ dak li kapaċi jiksbu. Iġifieri hemmhekk naħseb li mexjin l-iktar lil hinn mill-idea tal-kwota u qegħdin navvanzaw anke għall-mara intrinsikament il-valur tagħha fis-soċjetà x’ inhu”.
Il-Perit Odette Lewis spjegat li l-edukazzjoni hija essenzjali sabiex il-messaġġ jibda jasal sa minn età żgħira.
Hija qalet li: “Li naraw iktar opportunitajiet fejn kemm in-nisa kif ukoll l-irġiel prattikament jagħtu irwol tagħhom fit-tfassil tas-soċjetà tagħna, dak huwa importanti, imma li t-terminologija li nużaw tkun pożittiva ħa tgħin biex anke fil-mentalità nerġa ngħid tat-tfal u ż-żgħażagħ tagħna jidħlu dejjem ideat pożittivi tal-irwol li għandhom kemm in-nisa u kemm l-irġiel fis-soċjetà tagħna ta’ llum”.
Maria Micallef, li hija Kap Eżekuttiv ta’ diversi kumpaniji, rabtet ma’ dan l-argument il-bżonn li l-irġiel joffru appoġġ kontinwu lin-nisa u jifhmu li kulħadd għandu jkun ugwali.
Hija qalet li: “Il-mentalità qiegħda titbiddel u l-importanza hija li jkollona irġiel fis-soċjetà li jissapportjaw l-irwol ta’ mara li taħdem fid- dinja tax-xoghol għandha tasal billi is-soċjetà tissapportja li mara jkollha l-opportunitajiet fid-dinja tax-xogħol u li l-irġiel ikollhom apprezzament iktar li l-irwol tagħhom huwa bħal tan-nisa”.
Għaldaqstant, kummenti bħal dawn għandhom joffru l-qafas sabiex pajjiżna jgħaraf dejjem iktar il-bżonn li jkun hemm parteċipazzjoni ekwa u kulħadd ikun jista jimraħ fil-karriera tiegħu.