Minn dan ix-xahar, nisa li jkunu tqal u jkorru, bdew jingħataw il-kura meħtieġa f’sala separata minn dik li jinżammu fiha nisa li jkunu wasslu biex iwelldu.
Dan b’differenza għal dak li kien jiġri sa ġimgħa ilu, meta dawn in-nisa – li jkunu għaddejjin minn trawma liema bħalha, kienu qed ikunu fl-istess swali ma’ nisa li jkunu waslu biex iwelldu.
Sal-elfejn u sebgħa, is-swali tal-maternità kienu fl-Isptar Karin Grech fejn kien hemm mija u sitta u għoxrin sodda.
Mill-elfejn u tmienja, meta beda jilqa’ l-pazjenti l-Isptar Mater Dei, fl-iswali tal-maternità kien hemm tlieta u disgħin sodda – tlieta u tletin inqas minn kemm kien hemm f’Karin Grech.
F’intervista ma’ ONE News, id-Direttur tad-Dipartiment tal-Ġinekoloġija fl-Isptar Mater Dei, spjega li minn dak iż-żmien ’l hawn għoliet ir-rata ta’ twelid.
Filwaqt li fl-elfejn u tmienja twieldu tlett elef u ħames mitt tarbija, fl-elfejn u sbatax twieldu erbat elef u ħames mija.
Biex bejn in-nuqqas ta’ sodod u ż-żieda fit-twelid, inħolqot sitwazzjoni fejn nisa li jkorru kienu jispiċċaw fl-istess sala – ġieli anki sodda ħdejn sodda, ma’ nisa li jkunu qed jistennew li jġibu fid-dinja dak li huma tilfu.
Hu sostna li “Inti diġa pazjenta tgħaddi minn trawma meta jkollha miscarriage meta inti filli qed tistennija tarbija diġa qed toħlom bir-ritratti u tara fuq l-internet u tibda toħlom xi ħwejjeġ se tilbes u hekk. F’daqqa waħda jkollok miscarriage, titlef it-tqala.”
Biex it-trawma li tgħaddi minnha mara meta titlef wild, kienet qed tkun aktar skomda meta tkun fl-istess kamra ma’ mara li mhux biss fiżikament tkun tidher li waslet biex tilqa’ f’idejha t-tarbija, iżda fl-isfond kien jinstema’ wkoll il-qalb taċ-ċkejken jew ċkejkna tħabbat fil-ġuf fuq il-magni.
Bil-ħtiġijiet tal-pazjenti jiġu l-ewwel u qabel kollox, ittieħdet id-deċiżjoni biex minflok fis-sala tal-Obstretrics, dawn in-nisa li jgħoddu madwar 700 fis-sena, jitpoġġew f’sodod riservati fis-sala tal-Ġinekoloġija.
Spjega li “Saret deċiżjoni biex dawn il-pazjenti li għandhom miscarriage jitqiegħdu fil-gynae ward. Irriżervajna mill-inqas erba’ sodod biex ikunu riservati għalihom ħalli ma jkunx hemm dat-taħlit ma’ nisa li qegħdin fi pregnancy avvanzata.”
Il-Professur Muscat Baron qal li t-trawma li tiġi ma’ korriment tmur lil’hinn minn dik medika hekk kif il-mara jkollha bosta aspettattivi – speċjalment fid-dawl li llum ħafna mit-tqala tkun ppjanata u l-età medja ta’ nisa li jkollhom it-tfal hija dik ta’ tletin sena.
Muscat Baron qal li “It-trawma fiżika, il-maġġoranza tan-nisa jirkrupaw. Il-ġisem huwa kapaċi jirkupra malajr mill-miscarriage fiżikament imma psikoloġikament il-moħħ, l-uġigħ idum biex jittaffa.”
Dan kien biss l-ewwel pass; hekk kif il-ħsieb huwa li fl-isptar il-ġdid tal-ommijiet u t-tfal – li huwa wiegħda ewlenija fil-manifest elettorali, ikun hemm sala speċifika għal nisa li jkollhom korrimenti.