- Nisa Laburisti tilqa’ b’sodisfazzjon l-aħbar li l-Gvern se jressaq emendi biex jibdel il-liġi preżenti tal-IVF
Nisa Laburisti laqgħet b’sodisfazzjon l-aħbar li l-Gvern permezz tal-Ministru Chris Fearne ser ikun qed iressaq ‘l quddiem abbozz ta’ emendi biex jibdel il-liġi preżenti tal-IVF u kkundannat l-attitudni arroganti u patronizanti li ħadet id-Deputat Nazzjonalista Claudette Buttigieg fil-konfront tad-Deputat Laburista Rosianne Cutajar fil-Parlament waqt id-diskussjoni dwar id-dħul u nfiq tal-Awtorità tal-Protezzjoni tal-Embrijuni għas-sena finanzjarja 2017.
Buttigieg insinwat fil-Parlament lid-diskors ta’ Rosianne Cutajar kitibulha xi ħadd u ma tifhimx fis-suġġett, għal liema insinwazzjoni Rosianne Cutajar qajjmet point of order u qalet li minkejja li l-iżgħar Deputat, għamlet riċerka u kapaċi tagħraf x’inhu tajjeb u fl-aħjar interessi tal-familji Maltin u Għawdxin.
“Aħna qatt ma bżajna u lanqas ser nibżgħu ngħinu lil dawk in-nisa kollha li jridu jħaddnu tarbija f’idejhom u jagħtuha l-aqwa u l-aħjar. Iġġilidna biex inneħħu diskriminazzjoni minn ħafna affarijiet, ma rridux diskriminazzjoni fil-fertilità, fejn min min jiflaħ iħallas imur barra u jirnexxi u min ma jiflaħx jaqta’ qisu għaliex Malta qed iċċaħħdu minn liġi gwidata mix-xjenza,” qalet Rosianne Cutajar fid-diskors tagħha.
Claudette Abela Baldacchino, President ta’ Nisa Laburisti, ħeġġet lil Gvern biex ma jibżax ibiddel biex jingħata ċans u possibilità lin-nisa Maltin biex bħal nisa oħra Ewropej ikollhom aċċess għall-aqwa trattamenti possibli tal-IVF iggwidati mix-xjenza. Trattament li jagħtihom l-aqwa rizultati – jiġifieri dak li jwelldu tarbija u jeħduha d-dar magħhom.