Nisa Laburisti rreaġixxew għall-istatistika dwar l-IVF f’pajjiżna.
Fl-2015 f’Malta saru 311 ċiklu ta’ IVF, li kien ifisser żieda ta’ 82.9% fuq l-2014, meta saru 170 ċiklu. Is-sena li għaddiet, għall-ewwel darba, saret l-introduzzjoni tal-IVF b’xejn fl-isptar Mater Dei.
In-Nisa Laburisti nnotaw li l-istatistika turi li r-rata ta’ twelid mill-IVF f’Malta hija terz taħt il-medja Ewropea ta’ 30%.
Il-President tan-Nisa Laburisti, Claudette Abela Baldacchino, appellat lill-Gvern biex iħaddan liġijiet tal-IVF li jirriflettu r-realtà tal-llum.
“L-appell tagħna għall-Gvern Malti huwa biex idaħħal fis-seħħ ir-rakkomandazzjonijiet li ssottometta l-Kumitat Inter-Ministerjali dwar l-IVF, li huwa magħmul minn professjonisti mill-Ministeru tal-Enerġija u s-Saħħa, mill-Ministeru għad-Djalogu Socjali, l-Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Civili u l-Ministeru tal-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali” spjegat Claudette Abela Baldacchino.
Is-sena li għaddiet, in-Nisa Laburista kienu fost in-numru ta’ entitajiet li ssottomettew r-rakkomandazzjonijiet tagħhom lill-Kumitat Inter-Ministerjali dwar l-IVF.
Fost ir-rakkomandazzjonijiet sottomessi minn Nisa Laburisti hemm l-iffriżar tal-emrbijuni. Hemm ukoll id-donazzjoni ta’ bajd u sperma b’mod anonimu, inkluż il-possibiltà ta’ ftehim ma’ banek u donaturi barranin.