Nisa Laburisti ddiskutew diversi suġġetti relatati mas-saħħa sesswali, fosthom l-IVF u l-kontraċettivi.
Il-Professur Mark Brincat, li tletin sena ilu kien responsabbli għall-ewwel proċedura tal-IVF f’pajjiżna sostna li pajjiżna għamel avvanzi kbar fil-qasam tal-IVF, iżda saħaq fuq il-bżonn li l-pajjiż ikompli jtejjeb il-kundizzjonijiet għat-tobba u l-koppji biex isir l-IVF.“Biex naraw kif nistgħu nimeljoraw, biex nagħmlu atmosfera aktar favorevoli u pjaċevoli, u fuq kollox anke għall-pazjenti, biex b’hekk il-pazjenti ma jkollhomx bżonn jirrikorru li jmorru barra, u jsiefru kif qed jagħmlu f’numri kbar sfortunatament, minkejja li għandna servizz tajjeb fl-isptar”, qal il-Professur Brincat.
Tkellmu wkoll diversi persuni li esperjenzaw il-proċess tal-IVF b’mod personali, fosthom Stephanie Fabri, omm ta’ wild mill-IVF, li semmiet li jeħtieġ negħlbu l-istigma fuq dan is-suġġett:
“Ħafna qaluli “Għalfejn għandha tinkixef l-istorja tiegħek?” Iddeċidejt li nagħmilha għax ħassejt li għad hawn stigma kbira.”
Janice Busuttil saħqet fuq ħtiġijiet oħra b’rabta mal-IVF:
“L-unika ħaġa li kont sibt kienet li nista’ nsib egg donor jien, però kulħadd li mhux se tmur tħabbat bieb bieb biex issib egg donor, speċjalment meta Malta hija żgħira. Għandu jkun hemm egg bank propju u l-affarjiet isiru kif hemm bżonn.”
Claudette Abela Baldacchino sostniet li għalkemm kellha storja ta’ suċċess bl-IVF, xorta waħda riedet tgħid l-istorja tagħha sabiex tagħmel kuraġġ:
“Jien ma niddejaqx ngħid imma qed nieħu pjaċir li qed nara aktar nies jersqu ‘l quddiem. Dak iż-żmien bħal m’hi Simone u forsi nies oħrajn, konna nsibu diffikultà biex insibu nies li jitkellmu. Jien u żewġi konna ddeċidejna li jew nitkellmu, jew nagħlqu ħalqna u ma ngħidu xejn u nżommuha għalina. Ma tanix li nagħmlu hekk.”