NL- Nisa Laburisti issottomettiet għaxar rakkomandazzjonijiet fil-proċess ta’ konsultazzjoni pubblika dwar l-Att biex jirregola l-koabitazzjonijiet dikjarati u dawk reġistrati.
“Huwa pass pożittiv immens illi qed jiġi propost dan l-Abbozz ta’ Liġi li b’mod effettiv, jindirizza xenarji legali li sa issa tħallew fil-għama u mhux regolati. Tentattiv simili kien sar minn amministrazzjoni preċendenti, pero dan l-abbozz kif propost jitratta aktar fil-profond din ir-realtà,” qalet Nisa Laburisti.
Fost ir-rakkomandazzjonijiet li ssottomettiet Nisa Laburisti f’din il-konsultazzjoni pubblika jinkludi, li għandu jiġi ċċarat jekk din il-liġi hix tindirizza anke non-intimate relationships, bħal ngħidu aħna l-aħwa li jkunu qed jgħixu fl-istess dar. Jekk fl-affermattiv allura la darba jilħqu l-kriterji kif stipulati b’dan l-Att, ikollhom il-protezzjoni xierqa, bħal ngħidu aħna, drittijiet fuq il-post li jgħixu fih;
Li l-gvern għandu permezz ta’ din il-liġi jiġġieled l-abbuż anke f’każ fejn missier it-tfal ikun fir-realtà magħruf, iżda għal raġunijiet differenti konvenjentement jiġi reġistrat bħala missier mhux magħruf;
Punti oħra mqajma minn NL – Nisa Laburisti huma marbuta ma’ każi ta’ vjolenza domestika f’koppji koabitanti. Il-vjolenza domestika wkoll qed tiġi ndirizzata mill-gvern permezz ta’ liġijiet oħrajn. NL qed tissuġġerixxi li għandhom jiġu ndirizzati wkoll fl-Att dwar il-Koabitazzjoni.
Claudette Abela Baldacchino, President ta’ Nisa Laburisti, qalet li permezz tal-Avukati fl-Eżekuttiv ta’ Nisa Laburisti Dr Veronique Dalli u Dr Josianne Cutajar li ħadmu fuq ir-rakkomandazzjonijiet sottomessi “Nisa Laburisti ħadet sehem f’dan l-eżerċizzju ta’ konsultazzjoni pubblika għax temmen li pajjiżna għandu jkollu liġi li tindirizza r-realtà tal-koabitazzjoni, li kienet, hija u tibqa’ realtà soċjali.”
Nisa Laburisti rringrazzjat lill-Ministru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili Helena Dalli li qed tmexxi ‘il quddiem din il-liġi kif imwiegħed fil-programm elettorali ta’ dan il-Gvern.