“Jiena mara li għażilt li nkun persuna aħjar u llum naħdem bħala social worker, minkejja li snin ilu għaddejt minn bullying qawwi.”
“Darba minnhom fetħuli l-ikel fil-klassi u l-għalliem m’għamel xejn.”
Dan huwa dak li rrakontat Marilyn Stafrace waqt taħdita organizzata minn Nisa Laburisti bit-tema l-bullying u s-saħħa mentali.
F’din it-taħdita li tkellmu għadd ta’ esperti fil-qasam soċjali, indirizza lil dawk preżenti wkoll id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne li saħaq fuq l-investiment li se jsir fil-kura tas-saħħa mentali.
Waqt id-diskussjoni tqajmu punti dwar kif il-bullying u s-saħħa mentali jistgħu jintrabtu flimkien u dawn l-isfidi rridu nindirizzawhom b’mod kollettiv. Il-membru ta’ Nisa Laburisti, Josianne Cutajar, spjegat li “is-cyber bullying huwa realtà llum il-ġurnata. Huwa realtà li jaffettwa liż-żgħażagħ tagħna u mhux biss. Tajjeb li nżommu f’moħħna li kemm is-saħħa mentali kif ukoll il-bullying jistgħu jaffettwaw il-persuni ta’ kull età, irrispettivament mill-ġeneru tagħhom u rrispettivament mill-età tagħhom. Huwa mportanti li nħeġġu aktar persuni jfittxu l-għajnuna, u li nkomplu nsaħħu s-servizzi tagħna.”
Fl-istess laqgħa saret enfasi li s-servizzi fil-qasam tal-kura għas-saħħa mentali żdiedu u dawn qed jingħataw b’mod aktar dinjituż.
Intqal ukoll li kif pajjiżna tkellem ħafna dwar ir-rijabilitazzjoni ta’ persuni li jbatu minn għadd ta’ vizzji, hekk ukoll jeħtieġ ikollna servizzi li jirrabilitaw lil dawk li jwettqu l-bullying fuq ħaddieħor.
Fi kliem il-President tan-Nisa Laburisti, Nikita Zammit Alamango, dawn il-kwistjonijiet jeħtieġ nibqgħu ntuwhom viżibilità:
“Ovvjament aħna nħossu li għandna nkissru l-istigma, u biex tkisser l-istigma inti trid titkellem fuq dawn l-issues biex isiru affarijiet ta’ kuljum, u dak li jkun li jħoss għandu problema, jersaq ‘il quddiem ifittex dejjem xi ħadd professjonali u għalhekk aħna llum qegħdin niddiskutu s-saħħa mentali u l-bullying.”