Mill-kampanja nazzjonali Nirriċikla għall-Istrina, GreenPak Coop Society Limited għamlet għotja ta’ €21,000 lill-Malta Community Chest Fund. Nirriċikla għall-Istrina tħeġġeġ lill-familji, skejjel, kunsilli lokali, kumpaniji, entitajiet u klabbs soċjali biex jiġbru tappijiet tal-flixkien tal-plastik għall-Istrina. Il-Kap Eżekuttiv tal-GreenPak Coop Society l-Inġinier Mario Schembri ppreżenta d-donazzjoni lill-President ta’ Malta l-E.T. Dr George Vella fil-Palazz ta’ San Anton f’Ħ’Attard.
Id-donazzjoni hi l-kontribuzzjoni b’risq l-Istrina wara li nġabru numru kbir ta’ tappijiet ta’ fliexken tal-plastik għar-riċiklaġġ matul il-kampanja tal-2019, fejn altrimenti dawn it-tappijiet kienu jispiċċaw fil-landfill ta’ Malta.
Il-President George Vella qal “Din l-inizjattiva għandha żewġ għanijiet ewlenin li teduka lit-tfal dwar il-ħarsien tal-ambjent u biex dawn isiru konxji ta kawżi ġiusti. Nirringrazzja lill-GreenPak għall-impenn annwali tagħhom biex jiġbru t-tappijiet tal-fliexken tal-plastik minn diversi skejjel u entitajiet, filwaqt li jien grat ukoll għad-donazzjoni tagħhom għall-Istrina.”
Sadanittant, bħala parti mill-impenn tar-riċiklaġġ tagħha, GreenPak ħabbret l-iskeda ta’ servizz ta’ kuljum bil-lejl għall-ġbir ta’ fliexken tal-ħġieġ vojta minn bars u ristoranti f’lokalitajiet magħżula. Din is-sena s-servizz hu aktar estiż biex b’hekk ikopri ukoll l-lokalità ta’ Paceville u l-bajja ta’ San Ġorġ.
Is-servizz ta’ kuljum hu mingħajr ħlas, u f’dan il-perjodu ta’ festi jiġbor biss fliexken u vażetti tal-ħġieġ vojta minn bars u ristoranti li jinsabu tul il-Front tal-Gżira, tas-Sliema u San Ġiljan. Is-servizz jibda minn Manoel Island, jgħaddi tul ix-Xatt, Qui-Si-Sana, Triq it-Torri, il-bajja tal-Balluta, it-telgħa ta’ Spinola f’San Ġiljan, jgħaddi minn Triq Sant’Andrija għal Triq Santu Wistin, jibqa’ sejjer sal-Bajja ta’ San Ġorġ, u jgħaddi minn diversi toroq f’Paceville.
Dan is-servizz ta’ kuljum jibda minn għada is-Sibt 21 ta’ Diċembru fis-1.00 ta’ filgħodu u jibqa’ għaddej sal-Ġimgħa 2 ta’ Jannar 2020. Is-servizz qed isir b’kollaborazzjoni mal-Kunsilli Lokali tal-Gzira, tas-Sliema u San Ġiljan, flimkien mad-Dipartiment tas-Servizzi tat-Tindif.
“Qed noperaw aħna stess il-ġbir tal-ħġieġ sebat ijiem fil-ġimgħa fis-sigħat bikrin ta’ filgħodu f’dan il-perjodu impenjattiv tal-aħħar tas-sena. Estendejna ukoll is-servizz għall-istabbilimenti ta’ divertiment f’Paceville u l-Bajja ta’ San Ġorġ,” qal l-Inġinier Mario Schembri.
GreenPak tadatta l-frekwenzi tas-servizz ta’ ġbir tal-fliexken tal-ħġieġ skont il-perjodi l-aktar bieżla, bħal fi żmien il-Milied u fix-xhur tas-sajf. Mis-Sibt 4 ta’ Jannar 2020 is-servizz se jkompli bi ġbir regolari matul tmiem il-ġimgħa (jiġifieri s-Sibt, il-Ħadd u t-Tnejn) biss.