Raġel sofra ġrieħi gravi wara li pprova jitfu nirien li ħakmu vettura fil-Ħamrun
L-inċident seħħ dalgħodu, għall-ħabta tat-8:00 fi Triq Manuel Magri, il-Ħamrun.
Il-Pulizija tad-Distrett marru minnufiħ fuq il-post, fejn sabu li kien hemm xi nirien ġewwa vettura tal-għamla Citoren Berlingo, fl-imsemmija triq. Għaldaqstant, fuq il-post issejħu l-membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili għall-assistenza.
Jidher li raġel ta’ 59 sena, residenti l-Pieta` u li kien fuq il-post, sofra xi ħruq waqt li kien qed jipprova jitfi n-nirien. Ir-raġel iktar tard ġie ċċertifikat li sofra ġrieħi gravi.
Bil-każ ġie infurmat il-Maġistrat tal-Għassa Dr. Ian Farrugia LL.D li ħatar diversi esperti sabiex jassistuh fl-inkjesta li ġiet appuntata.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar dan il-każ għadhom għaddejjin.