Minn tal-inqas 31 persuna tilfu ħajjithom kawża ta’ nirien li ħakmu lill-Portugall.
Eluf ta’ pumpiera qed jaħdmu qatigħ biex jikkontrollaw in-nirien f’145 żona differenti fil-Portugall u partijiet fi Spanja.
Il-kundizzjonijiet tat-temp qed jagħmluha iżjed diffiċli biex in-nirien ikunu kkontrollati, hekk kif l-uragan Ophelia għaddej minn fuq il-kosta tal-Punent tal-Ewropa.
Investigazzjonijiet preliminari wrew li n-nirien tqabbdu apposta f’dawk li kienu deskritti bħala “atti terroristiċi”.
Il-Ministru għall-Intern qal li qed jinżammu arrestati numru ta’ persuni b’rabta mal-istess nirien, u appella lil kull min għandu xi informazzjoni biex jgħaddiha lill-Pulizija.
Il-Prim Ministru Spanjol Mariano Rajoy wera s-solidarjetà mal-vittmi.
In-nirien isegwu oħrajn f’foresti fil-Portugall f’Ġunju li għadda li ħallew aktar minn 60 persuna bla ħajja u darrbu 130 oħra.